Għal sena oħra, Għawdex kien mimli daqs bajda bil-Maltin u t-turisti li għażlu lill-gżira tat-tliet għoljiet għall-btala tagħhom fi tmiem il-ġimgħa tal-festa ta’ Santa Marija, anki jekk in-numri kienu inqas mis-soltu minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji li ninsabu fihom bħalissa kawża tal-imxija.
Joe Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, qal li l-aħħar l-ġranet kienu kkundizzjonati mill-imxija fejn jidħlu t-turisti iżda ma jistax jingħad l-istess għall-Maltin.
“In-numri tat-turisti barranin f’Għawdex kien inqas minn dak tas-snin imgħoddija fejn fi snin preċedenti matul il-ġranet ta’ dan il-perjodu ta’ Santa Marija ma kontx issib akkomodazzjoni vojta f’Għawdex, dan ma kienx il-każ din is-sena. Madanakollu, Għawdex kien u baqa’ destinazzjoni popolari ħafna mal-Maltin.”
Fil-fatt, minkejja li d-domanda tas-suq domestiku għall-akkomodazzjoni ma kinitx fuq il-livelli ta’ snin oħra, ħafna Maltin xorta għażlu li jaqsmu l-fliegu għal ftit ħin ta’ mistrieħ.
“Aħna fi stħarriġ li għamilna fost il-membri tagħna, fis-settur tal-lukandi rrappurtawlna li l-okkupanza kienet tvarja bejn is-sittin u s-sebgħin fil-mija f’dawn il-jiem ta’ Santa Marija. Fis-settur l-ieħor għall-akkomodazzjoni f’Għawdex li jiġbor fih il-farmhouses u l-appartamenti, l-okkupanza kienet aħjar u varjat bejn it-tmenin u ħamsa u tmenin fil-mija.”
Il-vapuri tal-Gozo Channel ħadmu b’servizz ta’ shuttle biex ilaħħqu mad-domanda, bir-raba’ vapur żgur li għen biex kien hemm inqas stennija u telf ta’ ħin.