L-eks Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Carmen Ciantar, fi stqarrija mibgħuta lill-midja qalet li talbet ukoll mill-ġdid lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga minn kien il-moħħ wara l-fabbrikazzjoni ta’ akkużi serji li kien hemm fil-konfront tagħha sena ilu, meta gazzetta mill-Pakistan allegat li rċeviet xi flus minn VGH Group.
Wara li kienet immedjatament issospendiet ruħha mill-pożizzjoni, investigazzjoni tal-Pulizija dak iż-żmien ma sabet l-ebda prova dwar dak miktub fil-gazzetta u li kien reġa’ riprodott f’pajjiżna mill-midja lokali.
Sit ibbażat fi Brussell, EU Reporter, ukoll kien allega li bint Ciantar, irċeviet il-flus biex, imbagħad, jgħaddu għand id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Madankollu, l-istess sit ftit wara mhux biss irtira din l-istorja giddieba, iżda ammetta li ppubblika storja mimlija allegazzjonijiet foloz. Quddiem dawn l-allegazzjonijiet, kemm id-Deputat Prim Ministru kif ukoll Ciantar ċaħdu dan il-gideb minnufih.
Carmen Ciantar qalet li, proprju ftit tal-jiem wara, fil-midja lokali u internazzjonali ħareġ kif il-kumpanija Steward Healthcare kienet qed tagħmel kampanja ta’ tfigħ ta’ tajn u allegazzjonijiet foloz fil-konfront ta’ dawk meqjusin bħala għedewwa.
Ta’ min ifakkar kif l-istorja giddieba kienet oħra minn sensiela ta’ stejjer giddieba u foloz li l-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech kompla jibni fuqhom.
Fl-istqarrija li bagħtet l-Erbgħa filgħodu, Ciantar qalet kif din “l-istorja ffabbrikata kellha impatt devastanti kemm fuq il-ħajja professjonali u anke dik personali tagħha u ta’ bintha.”
Saħqet kif dakhinar l-editur Pakistani tas-sit elettroniku li kien qed imexxi din l-istorja falza ma setax jiġi interċettat mit-tim legali tagħha u esperti oħrajn. Lanqas ma setgħu jaslu għal min iffinanzja dan il-plot ta’ ħażen.
Hi qalet li “minħabba li kont f’kariga pubblika, din l-istorja falza ħolqot kwistjonijiet ta’ fiduċja, speċjalment mal-partijiet interessati, mal-kollegi tal-Gvern u mal-membri tal-istaff. Daqstant ieħor binti, bi professjoni ta’ dentista, tilfet numru ta’ klijenti. Isimna tneħħa kompletament minn kull akkuża pjuttost malajr mill-Pulizija u l-Maġistrat u għalhekk il-fiduċja ġiet irkuprata, għall-inqas minn dawk ta’ rieda tajba u li jiddistingwu l-fatti mill-gideb,” żiedet tgħid Ciantar, fejn tenniet ukoll li kemm hi kif ukoll bintha, flimkien mal-familja tagħha, inkluż il-ġenituri anzjani, sofrew b’mod tremend minn din is-sitwazzjoni.
Fl-istqarrija, Ciantar tgħid kif it-Tlieta marret, għat-tieni darba, għand il-Kummissarju tal-Pulizija, din id-darba b’talba differenti – biex issa jsir magħruf min wettqu u min iffinanzjah.
“Ladarba dawn il-mistoqsijiet jiġu mwieġba, xejn mhu se jżommna milli nesploraw kawża għad-danni,” temmet tgħid fl-istqarrija l-eks Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi.
B’rabta ma’ dan il-każ, il-Prim Ministru Robert Abela wkoll dejjem esprima l-fiduċja ċara tiegħu f’Mr Fearne, tant li kien insista miegħu li ma kellux jirriżenja mill-kariga li kien jokkupa, bil-Kabinett tal-Ministri dejjem appoġġja din il-pożizzjoni.