Christina Magrin kienet brillanti fit-tieni prova ġenerali tagħha. Liebsa libsa ħamra, Christina tat interpretazzjoni tajba ħafna u uriet is-saħħa li għandha fil-vuċi.
Hi u tkanta Parachute imxiet madwar il-palk, b’ħafna Maltin li kienu preżenti fis-sala ta’ Dar il-Mediterran tawha l-appoġġ sħiħ tagħhom. F’din it-tieni prova ġenerali dawk preżenti ħadu idea ċara ta’ dak mħejji għal għada.
Kienu bosta t-tfal minn skejjel differenti li kienu parti mill-udjenza tal-lum wara nofsinhar u kif mistenni, il-preżentaturi Ben Camille u Valerie Vella ġew milqugħa ferm. Intant parteċipanti oħra li impressjonaw matul it-tieni u l-aħħar prova ġenerali kienu dawk ġejjin mill-Olanda, l-Awstralja, il-Belarus u l-Ġorġja.
Fl-edizzjoni tal-Junior Eurovision Song Contest li qed issir f’pajjiżna, il-votazzjoni se tkun għal kollox differenti. Filfatt għall-ewwel darba mhux se jkun hemm vot mill-pubbliku iżda se tkun ġurija esperta u oħra magħmula mit-tfal li se tagħżel ir-rebbieħ jew rebbieħa tal-Junior Eurovision. Il-Junior Eurovision se jiġi mxandar b’mod dirett għada fl-erbgħa ta’ wara nofsinhar.