Christabelle Borg hija r-rebbieħa tal-Malta Eurovision 2018 u se tkun l-ambaxxatriċi Maltija fil-Eurovision.
Christabelle, rebħet dan l-akbar festival prestiġġjuż f’pajjiżna permezz tal-kanzunetta Taboo. Hija kisbet l-ogħla punteġġ mill-ħames membri kollha tal-ġurija kif ukoll l-ogħla punteġġ mill-pubbliku permezz tat-televoting. Hija rebħet dan il-festival b’133 punt permezz ta’ votazzjoni magħmula minn 50% ġurija u 50% vot tal-pubbliku.
Fit-tieni post, ikklassifikaw Richard u Joe Micallef bil-kanzunetta Song for Dad b’98 punt segwita fit-tielet post mill-kantanta Brooke bil-kanzunetta Heart of Gold b’84 punt.
Fl-ewwel kummenti tagħha ma’ One NEWS, hija qalet li din kienet l-akbar ħolma ta’ ħajjitha li issa saret realtà.
Dwar il-vjaġġ tagħha lejn Lisbona, hija qalet li se tkun qed tagħmel l-almu tagħha biex tmur bl-aqwa prodott possibbli.
Ta’ 25 sena, Christabelle se tirrappreżenta lil pajjiżna fit-tieni semi-finali tal-Eurovision b’kanzunetta li trid tindirizza t-tabù fuq l-isfidi tas-saħħa mentali.
Il-kanzunetta rebbieħa hija miktuba minn Johnny Sanchez, Thomas G:son, Muxu u Christabelle innifisha.
Sittax-il kanzunetta pparteċipaw f’dan il-festival li fih kien hemm bosta li spikkaw u kienu fit-taqtiegħa biex jirbħu l-biljett għal Lisbona.
Is-serata tal-lejla kienet preżentata minn Colin Fitz u li fiha ngħatat anki tislima xierqa lil kantant Tony Camilleri, il-Bayzo.
Ibqgħu segwu dan is-sit hekk kif se nxandru b’mod dirett l-ewwel reazzjoni tar-rebbieħa tal-Malta Eurovision.