Christabelle se tkun qed tkanta fin-numru 12, fit-tieni semi-finali tal-Eurovision Song Contest.
L-ambaxxatriċi Maltija għal Eurovision se tkun qed tikkompeti f’semi-finali meqjus bħala diffiċli.
Qabel Malta hemm il-Polonja filwaqt li wara Malta, hemm il-grupp ta’ mużika rock mill-Ungerija.
Aktar kmieni din is-sena kienet saret polza fejn sar magħruf li Malta se tieħu sehem fit-tieni semi-finali, lejn it-tieni nofs.
Il-polza kienet meqjusa bħala favorevoli għal Malta u wara li t-tim tal-produzzjoni tal-Eurovision fil-Portugall studja bir-reqqa l-kanzunetti kollha, poġġa lil pajjiżna fin-numru 12.
Sadanittant il-kantanta Maltija l-oħra li qed tirrapreżenta lil San Marino, Jessika, se tkun qed tkanta fl-istess semi-finali fin-numru erbgħa.
Skont id-djar tal-imħatri, l-Iżrael għadu l-aktar pajjiż favorit li jirbaħ il-Eurovision f’Mejju li ġej.
Il-vidjo mużikali ta’ Netta sa issa rawh ftit aktar minn għaxar miljun darba.