Dal-lejl waslet lura Malta Christabelle. Il-kantanta li ftit tal-jiem ilu rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest f’Lisbona.
Kienu diversi persuni li marru l-ajruport internazzjonali ta’ Malta jistennew bil-ħerqa l-wasla ta’ Christabelle sabiex jilqgħuha mal-wasla tagħha.
Christabelle rrappreżentat lil Malta bil-kanzunetta Taboo. Kanzunetta li tqajjem kuxjenza dwar il-mard mentali u kif wieħed m’għandux joqgħod lura milli jitkellem u jfittex l-għajnuna.
Mal-wasla tagħha meta ġiet mistoqsija dwar jekk għandiex ħsieb li terġa’ tieħu sehem fil-Eurovision, hi sostniet li għalissa m’għandiex ħsieb hekk kif tixtieq tagħti ċans lil ħaddieħor iżda li lesta biex tkompli l-ħidma tagħha biex tkompli tqajjem aktar kuxjenza dwar is-saħħa mentali sabiex b’hekk aktar persuni jagħmlu kuraġġ.