L-Avukat Dr Chris Soler intgħażel bħala t-tieni Avukat tal-Istat tar-Repubblika ta’ Malta u se jkun qed jassumi dan l-irwol b’mod immedjat.
Dan wara li l-Avukat tal-Istat preċedenti, Dr Victoria Buttigieg, irriżenjat biex ġiet maħtura fl-irwol ta’ Avukat Ġenerali.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza li fiha ġie spjegat kif il-Ministru Edward Zammit Lewis kien ħatar Kummissjoni ta’ Ħatra indipendenti li tassigura proċess indipendenti, trasparenti u b’rispett sħiħ lejn il-governanza t-tajba.
Tul dawn l-aħħar għoxrin sena Dr Soler prattika l-liġi kriminali kif ukoll serva bħala lettur tal-liġi kriminali fl-Università ta’ Malta.
Fl-aħħar snin hu serva wkoll bħala direttur tas-servizzi legali fi ħdan l-Università ta’ Malta kif ukoll bħala chairperson fuq il-Bord tal-Appell għar-Refuġjati.
L-istqarrija temmet tgħid li Dr Soler se jkun qed jinħatar bħala Avukat tal-Istat, uffiċċju li beda jopera f’Diċembru tal-elfejn u dsatax meta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali nqasam fi tnejn.
Dan sar sabiex l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali gradwalment jieħu f’idu l-prosekuzzjonijiet kollha f’pajjiżna waqt li l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat iservi bħala l-konsulent ewlieni tal-gvern.