Il-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said, qal li jirrispetta lil Daphne Caruana Galizia, bħalma jirrispetta ġurnalisti inidpendenti oħra. Żied li m’għandux problema li jitkellem fuq affarijiet li tkun qajmet hi fil-blog tagħha.
Chris Said qal dan meta mistoqsi dalgħodu biex ħa pożizzjoni differenti minn Frank Portelli, kandidat ieħor għall-istess kariga. Fil-fatt Portelli tkellem kontra l-assoċjazzjoni ma’ Daphne Caruana Galizia meta kien fuq ir-radju tal-PN. “M’għandniex nassoċjaw ruħna ma nies li jiktbu blogs li jweġġgħu lin-nies. Ma tistax tweġġa’ lil xi ħadd apposta jew tassoċja ruħek miegħu. Għidli ma’ min tgħamilha u ngħidlek x’int. Aħseb u ara kemm se mmur mass meeting u nikkwota lil din il-persuna,” qal Frank Portelli dwar dik li jikkwotaw spiss Simon Busuttil u Beppe Fenech Adami.