Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal li mhux interessat jokkupa l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.
Said li ressaq il-vot ta’ fiduċja kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ilbieraħ f’laqgħa mill-aktar imqanqla tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, qal dan barra l-Parlament ftit tal-ħin ilu.
Spjega wkoll li aktar tard illum ser tkun qed toħroġ stqarrija mid-deputati Nazzjonalisti li sfiduċjaw lil Delia bl-aħħar dettalji dwar min jista’ jieħu post Adrian Delia.
Said żied jgħid li fil-mument opportun ser ikunu qed imorru għand il-President ta’ Malta George Vella.
Dan hekk kif skont artiklu 90 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta l-President għandu s-setgħa li jneħħi Kap tal-Oppożizzjoni u jaħtar ieħor jekk jidhirlu li deputat fil-kamp tal-Oppożizzjoni għandu s-saħħa numerika ta’ fiduċja fuq deputat ieħor fost il-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni.
Aktar kmieni llum ONE News irraporta li fost id-deputati li sfiduċjaw lil Delia għaddejja ġirja kontra l-ħin biex ikun hemm il-persuna li tidħol flok Adrian Delia fil-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.
Dan għaliex il-Parlament dalwaqt jaġġorna għall-btajjel tas-sajf u b’hekk Delia jista’ jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni almenu sakemm il-Parlament jerġa’ jibda jiltaqa’ wara s-sajf.
Ilbieraħ il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li ser ikun qed jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista minkejja li tilef vot ta’ fiduċja sigriet b’vot ta’ 19 kontra 11.
Il-vot ta’ sfiduċja ttieħed wara li numru ta’ Deputati Nazzjonalisti ħolqu pressjoni fuq il-Kap wara li rapporti fil-midja kixfu l-kuntatt li kellu Delia ma’ Yorgen Fenech wara li sar magħruf li huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black