Ftit qabel beda jippontifika fl-aġġornament tal-Kamra dwar kemm hu ħali l-Gvern Laburista għax nefaq iżjed minn kemm kien approvat fil-budget tal-2016, il-membru parlamentari nazzjonalista Chris Said qala’ żewġ taptipiet mill-Prim Ministru u oħra mill-Ministru għall-Ambjent waqt il-ħin tal-mistoqsijiet.
Dr Said staqsa lill-Prim Ministru dwar dak li sejjaħ “problema ta’ skular ta’ drenaġġ” fi triq l-Imġarr, in-Nadur. Riedu jgtħidlu meta se jittieħdu l-passi neċessarji biex problema ta’ skular ta’ drenaġġ fi Triq l-Imġarr fin-Nadur li issa ilha diversi ġimgħat u qed toħloq riħa insapportabbli, tiġi rimedjata.
Talbu wkoll iserraħ ras ir-residenti tal-inħawi li m’hemm l-ebda periklu għas-saħħa tagħhom.
Il-Prim ministru wieġbu li ġie nfurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li apparti l-fatt li huma ma rċivew l-ebda rapporti ta’ skular ta’ drenaġġ fit-triq imsemmija, minn spezzjoni li saret fuq il-post ma rriżultax li hemm xi skular ta’ drenaġġ.
Sadanittant il-ħaddiema tal-Korporazzjoni ser jagħmlu manutenzjoni preventiva ta’ tindif tal-katusi u ssiġillar ta’ drop manholes.
Żelqa fin-niexef oħra kienet meta huwa talab lill-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ rapport li sar minn Projects Malta jew mill-Ministru fl-Uffiċċju tiegħu dwar waiting lists fl-Isptar Mater Dei u/jew sptarijiet oħra wara negotiated procedure.
“Jista’ jgħid minn min sar dan ir-rapport u kemm kien il-ħlas għal dan ir-rapport? Min innegozja l-prezz ma’ min għamel dan ir-rapport min-naħa tal-Gvern?”
It-tweġiba tal-Prim Ministru kienet li ġie nfurmat minn Projects Malta Ltd u mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministru fl-Uffiċju tiegħi, li ma ntalab l-ebda rapport f’dan is-sens.
Taptipa oħra laqqatha minghaħd il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera meta wieġbu għal din il-mistoqsija:
“Jista’ l-Ministru jgħid għaliex sajjieda part-timers Maltin qed jingħataw sussidju fuq l-użu tad-diesel għad-dgħajjes tagħhom filwaqt li sajjieda Għawdxin part-timers mhux qed igawdu minn dan is-sussidju? Ma jaħsibx li din id-diskriminazzjoni għandha tiġi rimedjata?”
Il-Ministru Herrera wieġbu skjett skjett li “ma teżisti l-ebda diskriminazzjoni, sempliċiment għax ma jeżisti l-ebda sussidju fuq id-diesel użat mis-sajjieda, kemm jekk huma sajjieda full-time jew part-time, kemm jekk huma Maltin kif ukoll jekk huma Għawdxin”.