- FID-DAR ĊENTRALI L-AFFARIJIET JINĦMEW B’MOD DIFFERENTI ĦAFNA MILL-PERĊEZZJONI PUBBLIKA
Chris Said qed iwebbes rasu biex ma jirtirax mill-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan mhux biex ma jpaxxix lill-kontestant l-ieħor Adrian Delia, kif qed jaħsbu ħafna, iżda biexma jbaxxix rasu għal Kap caretaker Simon Busuttil.
Dan għaliex jekk Chris Said jirtira minn din l-elezzjoni, jinfetaħil-bieb biex Simon Busuttil ikun jista’ jibqa’ fil-kariga.
Fid-Dar Ċentrali qed ikun ikkalkulat li Chris Said se jġibmadwar 40% tal-voti tat-tesserati tal-partit. Dawn ma jkunux biżżejjed biex isir Kap. Dan għax ovvjament kandidat kulma għandu bżonn huwa 50%+1 tal-voti validi mitfugħa. Adrian Delia b’ hekk isir Kap bil-kumdità.
Madankollu, jekk Chris Said jirtira mit-tiġrija, Adrian Delia jkollu bżonn 66%+1 tal-voti. B’hekk, l-40% li mhumiex biżżejjed biex Said isir Kap, ikunu biżżejjed biex Delia ma jsirx, u fuq kollox biex jerġgħu jinfetħu n-nomini. F’dan il-każ, Simon Busuttil ikollu skuża biex jgħid li la l-Partit Nazzjonalista ma rnexxilux isib persuna biex tmexxih, dmiru hu li jibqa’ hu. F’xenarju bħal dan, Adrian Delia jkollu aktarx jirtira għaliex ikun ġie umiljat.
Anke jekk għamel numru ta’ dikjarazzjonijiet li mhux se jibqa’ Kap, kif diġà konna rrappurtajna, din ir-regola kien żerżaqha minn taħt l-istess Simon Busuttil meta kien qed jiltaqa’ l-Kunsill Amministrattiv li fassal ir-regoli tal-elezzjoni.
Chris Said qed jgħid li għandu pressjoni biex jirtira iżda mhux se jagħmel hekk għaliex it-tesserati għandhom ikollhom għażla. Saħansitra qal ukoll li n-nies ta’ Delia offrewlu jagħżel liema kariga jrid jekk kemm-il darba jirtira, biex Delia jtellaq waħdu. Xi ħaġa li Adrian Delia ċaħad.
Il-KullĦadd tista’ tikkonferma li l-pressjoni fuq Said mhix ġejja mingħand in-nies ta’ Delia, li jriduh jibqa’ biex jiftħilhom it-triq, iżda min-nies ta’ Simon Busuttil li jarawh bħala ċ-ċavetta tagħhom biex issir elezzjoni oħra.
Il-problema għal Simon Busuttil hija li Chris Said ma jridx ibaxxi rasu għal din is-soluzzjoni, speċjalment wara li Simon Busuttil ma appoġġjahx fl-ewwel rawnd u minflok ħadem għal Alex Perici Calascione. In-nies ta’ Chris Said qed jgħidu li Simon Busuttil kellu jirrikonoxxi li hu kien l-aktar kandidatb’saħħtu u messu għenu u mhux qasam il-voti. Kieku sar hekk hu kien johrog l-ewwel mill-Kunsill Ġenerali u l-istorja kienet tkun differenti.
Hemm min jaħseb iżda li Busuttil minn dejjem kellu f’moħħu dan ix-xenarju. U dawk li għokrithom għajnhom, meta saru r-regoli u ddaħħlu ċerti klawżoli strambi, qed jieħdu r-raġun.