Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said għadu kemm ippreżenta n-nomina għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Huwa se jkun qed iniedi l-kampanja tiegħu llum kif se jagħmel ukoll l-avukat, magħruf fiċ- ċrieki tal-PN, Adrian Delia.
Żewġ kandidati li t-tensjoni bejniethom ma tonqosx dan għaliex saru dikjarazzjonijiet li l-kandidati għandhom ikunu skrutinizzati minn Kummissjoni, ħsieb li sab appoġġ immedjat ta’ Chris Said. Imkejjen fid-Dar Ċentrali qalu din il-linja ta’ ħsieb hija battuta ċara lejn Adrian Delia li jingħad għandu rabtiet li xejn ma jagħmlu ġieh lill-Partit Nazzjonalista.
Għal din il-kariga se jkun qed jikkontesta ukoll Alex Perici Calascione li kkontesta l-aħħar elezzjoni u ma ġiex elett. Għalhekk wieħed irid jara jekk wara din l-aħbar, id-DJ ta’ radju 101 David Thake, hux se jikkontesta l-kariga, dan għaliex huwa qal li b’Said u Delia mhux kuntent u li jekk dik tkun l-għażla għal Kap tal-PN huwa se jkun qed jikkontesta għaliex m’huwiex kuntent bl-għażla li għandhom it-tesserati tal-PN u jemmen li hu jkun l-aħjar għażla għal Kap.
Iżda huwa ċert li l-kunflitt u l-qasma fil-Partit Nazzjonalista se tkompli dan wara li l-gazzetta l-Kullħadd ilbieraħ żvelat kif il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li għandu €25 miljun meta fil-verità għandu €13.9 miljun. Bir-reazzjoni ta’ Chris Said għal dan tkun li dak li għamlu l-President tal-Eżekuttiv Ann Fenech, it-teżorier Alex Perici Calascione u l-Kap Simon Busuttil ma jaqbilx miegħu. Ta’ Chris Said qed jattakkaw ukoll lil Rosette Thake, li Simon Busuttil kien daħħal bħala Segretarja Ġenerali biex lil Said kien reġa’ bagħtu Għawdex għax rah bħala theddida.