Fil-bidu tas-sena l-ġdida, l-eks ministru ta’ GonziPN, Chris Said, u deputat ewlieni fuq Għawdex, qal lit-Times of Malta li Għawdex għandu jkollu Kunsill Reġjonali u li oqsma importanti għall-Għawdxin, bħalma huma toroq u infrastruttura, kif ukoll oqsma relatati mat-turiżmu, jitneħħew minn idejn il-Ministeru għal Għawdex u jingħataw f’idejn dan il-Kunsill.
Inklużi wkoll ċerti servizzi relatati mal-qasam tas-saħħa, b’detriment partikolari għall-anzjani Għawdxin.
Dwar dan, irreaġixxa l-Partit Laburista, permezz ta’ stqariija.
Il-Partit Laburista qal li dak li jrid Said, u allura l-Partit Nazzjonalista, minħabba li huwa fatt magħruf li l-eks ministru ta’ żmien GonziPN għandu influwenza qawwija fuq il-Kap Nazzjonalista, ikun ifisser li jiżżarma kważi għal kollox il-Ministeru għal Għawdex, li għal aktar minn 40 sena serva biex Għawdex mhux biss ikun madwar il-mejda tal-Kabinett, iżda saru riformi kbar fil-gżira Għawdxija, b’risq l-Għawdxin.
Il-Partit Laburista spjega kif b’dak li jrid Said ikun ifisser li jkun hemm Kunsill Reġjonali, li jieħu l-aktar deċiżjonijiet importanti li jolqtu lill-Għawdxin, u filwaqt li jkun hemm Ministru jitkellem dwar Għawdex fil-Kabinett, madankollu l-aħħar kelma tkun tal-Kunsill Reġjonali u li l-Ministeru għal Għawdex ikun hemm biss għall-isem, u xejn aktar.
Il-Partit Laburista fakkar kif din kienet l-istess proposta li għamel il-Partit Nazzjonalista, fl-aħħar elezzjoni ġenerali u li ġiet miċħuda b’mod assolut mill-votanti Għawdxin.
Bil-proposta tal-Partit Nazzjonalista ta’ Said, il-Kunsill Reġjonali, magħmul mis-Sindki Għawdxin, jiġi fix-xejn. Il-Partit Nazzjonalista ta’ Said, igibhom bla saħħa, u fix-xejn.
Il-Partit Laburista qal li dan mhux biss joħloq konfużjoni u ħafna burokrazija, iżda deċiżjonijiet kruċjali għall-Għawdxin – bħalma huma toroq fl-irħula, u pajsaġġi fir-raba’; proġetti ta’ infrastruttura fl-urban, kif ukoll servizzi u oqsma relatati mat-turiżmu, li f’Għawdex hi industrija mill-aktar importanti. Skont Said, dawn kollha għandhom jittieħdu minn idejn il-Ministeru għal Għawdex u jitpoġġew f’idejn Kunsill Reġjonali.
B’dak li jrid Said, qal il-Partit Laburista, jinqata’ wkoll għal kollox il-kuntatt, l-għajnuna u l-gwida f’oqsma u suġġetti importanti għall-Għawdxin, li għal dawn l-aħħar 40 sena ngħataw mill-Ministeru għal Għawdex.
Il-Partit Laburista qal li d-dikjarazzjoni ta’ Chris Said hija turija ċara tal-intenzjoni tal-Partit Nazzjonalista, u l-faxxa estremista tiegħu, li bħalissa għaddejjin bi kruċjata kontra l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, li jġibu fix-xejn l-iskop ta’ Ministeru għal Għawdex u li, jekk ikunu fil-poter, iżarmawh għal kollox.