Id-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Chris Said qed iħossu li ġie rredikolat wara li ġie skartat għall-aktar livell baxx bħala parti mill-Partit.
Irrappurtat dan il-gazzetta Kullħadd il-Ħadd filgħodu hekk kif spjegat li Said tant hu mxebba’ bis-sitwazzjoni li wera ruħu lest jabbanduna l-karriera politika darba għal dejjem, b’kundizzjoni waħda prinċipali … dik li postu jirtu direttament ħuh Edward, li attwalment huwa s-Sindku tan-Nadur.
Fl-artiklu tagħha fil-faċċata tal-gazzetta, il-Kullħadd spjegat li jirriżulta li, meta fl-aħħar jiem hu ġie avviċinat mit-tmexxija Nazzjonalista, Said ma qagħadx jomgħod kliemu u esprima l-għadab sħiħ tiegħu. Dan anke jekk fil-pubbliku ddikjara li jirrispetta l-għażliet, li qed jieħu l-Kap Bernard Grech, wara l-elezzjoni.
Is-sorsi tal-Kullħadd qalu wkoll li wara li sentejn ilu kien fost il-protagonisti biex Grech jieħu post Adrian Delia fit-tmun tal-Partit, Said ma ddejjaqx jistqarr li “llum qed iħossu ltim.” Kien b’hekk li wera kull intenzjoni fil-Partit li jirriżenja mill-Kamra tad-Deputati bil-patt u l-kundizzjoni li postu jirtu b’mod dirett ħuh Edward, li hu iżgħar minnu.
Il-Kullħadd iżżid tispjega li dan tal-aħħar, li hu persunaġġ kariżmatiku, jista’ jkun kompetitur akbar fid-distrett biex almenu tinżamm il-preżenza tal-familja magħrufa bħala tal-“Ganga” u li hi għandha l-bażi tagħha fir-raħal fejn ilhom imexxuh għal snin twal. Bħal Edward, ħutu Chris u warajh Charles kienu sindki tal-lokal.
Ftit tal-jiem ilu Chris Said wera d-diżappunt tiegħu lejn it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista wara li flimkien mad-Deputati Mario De Marco u Carm Mifsud Bonnici, tħalla barra mix-Shadow Cabinet Nazzjonalista bl-iskuża li t-tlieta kienu parti mill-Kabinett fil-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi.
Madankollu l-Kullħadd temmet tgħid li l-argumenti ta’ Chris Said li kien jagħmel parti mill-Kabinett sal-2013 ġew kontradetti mill-fatt li fid-diskorsi tiegħu l-Kap attwali Nazzjonalista Bernard Grecg spiss jirreferi għaż-żmien tal-aħħar Gvern Nazzjonalista bħala s-“snin tad-deheb”.