Chris Said, il-kontestant għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma aċċettax l-offerta li għamillu l-kontestant l-ieħor għal Kap, illum Kap tal-PN u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sabiex Said jikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f ’Mejju li ġej. Adrian Delia ilu numru ta’ ġimgħat jipprova jfittex Għawdxi jew Għawdxija ta’ ‘‘portata’’, kandidat ta’ ċerta esperjenza u li kapaċi jiġbor il-voti tal-Għawdxin f ’din l-elezzjoni li hija wkoll importanti ħafna għal Adrian Delia bħala Kap tal-PN.
Li Said intalab joħroġ għal MEP ikkonfermah hu nnifsu u qal li din qatt ma kienet fil-pjani tiegħu. Fuq kollox il-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed jipprova jeħles mill-istess Said minn ma saqajh u jitfgħu fi Brussell, ’il bogħod minn sħabu tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Iżda, għal din it-talba ta’ Adrian Delia, sorsi mill-qalba tal-Partit Nazzjonalista u qrib Adrian Delia stess, ikkonfermaw ma’ din il-gazzetta li r-risposta ta’ Said kienet: “Ma rridx inpaxxih.” Apparti li din kienet daqqa ta’ ħarta għal Delia, kemm fl-attentat tiegħu sabiex jipprova jsib l-Għawdxi jew l-Għawdxija fil-grupp ta’ kandidati tiegħu u anke daqqa għall-isforzi tiegħu, li s’issa kienu inutli, biex jipprova jersaq lejn nies li lilu ma jriduhx Kap tal-Partit Nazzjonalista minkejja li issa għaddiet aktar minn sena minn meta laħaq.
Il-fatt li Said, kif qed jgħidulna s-sorsi tagħna, wieġeb hekk turi bl-aktar mod ċar l-animożità li teżisti lejn l-istess Delia li kien rebaħ it-tellieqa għall-Kap, anke jekk nies qrib Chris Said, bħal Simon Busuttil kien iddikjara li kieku kien flok Delia ma kienx jibqa’ jtellaq għall-Kap minħabba l-allegazzjonijiet li kienet ħarġet Daphne Caruana Galizia. Chris Said huwa mifhum li qal ukoll li huwa ma jridx ikun parti mir-rizultat li se jġib Delia f ’dawn l-elezzjonijiet. Din hija konferma ċara oħra li l-istess Said ma jridx jassoċja ruħu mal-Partit Nazzjonalista ta’ Adrian Delia. Il-qasma ċara fil-Partit Nazzjonalista, qed twassal sabiex ma’ kull jum li jgħaddi, il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jibqa’ jieħu tumakka wara l-oħra millGrupp Parlamentari tiegħu stess.
Huma ħafna li qed jitkellmu fuq il-faqar ta’ kandidatura tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej. Il-fatt li Delia ma rnexxilux s’issa, wara ċ-ċaħda ta’ Said iġib miegħu kandidat b’saħħtu minn Għawdex qed juri ma’ kull jum li jgħaddi d-dgħufija tiegħu.