Id-deputat Għawdxi Chris Said iddikjara li l-Għawdxin huma bir-raġun iddisgustati bid-deċiżjoni li ħa l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li fil-Parlament jiġi co-opted Jean Pierre Debono u mhux il-kandidat Għawdxi Kevin Cutajar.
Sigħat qabel il-laqgħa tal-Eżekuttiv, Chris Said mar fuq Facebook biex jgħid li s-siġġu kellu jingħata lil Cutajar u mhux lil Jean Pierre Debono li fil-bidu tal-leġislatura ċeda s-siġġu tiegħu biex Adrian Delia seta’ jidħol fil-Parlament bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Said kiteb ukoll li fl-aħħar jumejn kellmuh ħafna Għawdxin u qalulu li jkun żball enormi jekk il-Partit Nazzjonalista jarmi lil Għawdex, f’każ li ma jiġix elett Kevin Cutajar mid-distrett ta’ Għawdex flok David Stellini.
B’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Eżekuttiv, Said qal li qed jikkunsidra l-pass li jmiss mingħajr ma speċifika x’se jkun dan il-pass.