Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said insinwa li ma hemmx bżonn it-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex.
Said qal dan fuq il-programm Xtra, il-Ħamis filgħaxija waqt dibattitu politiku flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
F’punt minnhom waqt id-diskussjoni Chris Said qal li hija ħrafa ta’ Esopu li l-industrija tal-informatika f’Għawdex kellha bżonn it-tieni fibre optic cable.
Said stqarr: “Li l-industrija tal-informatika ma setgħetx topera f’Għawdex minħabba li ma kienx hemm it-tieni fibre optic cable hija ħrafa ta’ Esopu.”
Said saħaq dan wara li l-Ministru Clint Camilleri spjega li t-tieni fibre optic cable huwa essenzjali biex ikompli jikber il-qasam diġitali f’Għawdex.
Il-Ministru Camilleri qal, “Dan huwa l-Gvern li għamel it-tieni fibre optic cable. Ftit tax-xhur ilu nedejna t-teini fibre optic cable sabiex issa nibdew nattiraw l-industrija diġitali f’Għawdex li qabel ma setgħetx issir.”
F’nofs Diċembru li għadda l-Prim Ministru Robert Abela nieda l-proġett tat-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex b’investiment ta’ €4 miljun.
Dan sabiex ikompli jgħin lil Għawdex ikompli ilaħħaq mat-tkabbir ekonomiku li esperjenzat Malta fl-aħħar snin.
B’fibre optic cable addizzjonali, il-gżira tat-tliet għoljiet se jkollha konnettività aħjar mal-kumplament tad-dinja u fl-istess ħin jiżdied l-investiment.
Għall-kuntrarju tad-dikjarazzjoni ta’ Chris Said, l-imsieħba soċjali Għawdxin qablu mal-proġett tat-tieni fibre optic cable. Fosthom kien hemm il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija li għal numru ta’ snin tkellmet dwar il-ħtieġa tat-tieni fibre optic cable.
Fil-fatt, il-Kamra kienet qalet li bit-tieni fibre optic cable se jkun hemm aktar serħan il-moħħ għal min irid jinvesti fil-qasam diġitali f’Għawdex.