Il-kontestant għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista wieġeb lil The Malta Independent wara li ppubblikat l-istorja ta’ kif stħarriġ online spiċċa ‘hacked.’
Chris Said qal li l-istorja kellha biss interess wieħed dik li timplika li hu kien wara din il-manuvra biex il-poll ikun orkestrat.
“Din l-istorja kellha interess wieħed, li timplika xi ħaġa li mhix vera u li tpoġġini f’dawl ikrah,” qal Chris Said. Chris Said qal li f’kampanja għat-tmexxija jkun hemm ħafna entużjasti u jkun hemm min jipprova jagħmel dan billi jivvota bosta drabi f’online poll.
Qal li l-esperjenza politika turih li m’għandux jinħela f’argumenti pwerili u qal li mhux “se jaħli l-ħin jakkuża lil xi persuna b’kunflitt ta’ interess.”
Botta ċara lil Pierre Portelli, li jmexxi The Malta Independent u huwa wieħed minn nies wara l-kampanja ta’ Adrian Delia. “L-aġendi moħbija u l-klikek qatt ma kienu ħbieb tiegħi,” qal Chris Said f’kumment li wera kif lil hinn mill-kafe fi Triq ir-Repubblika l-ġlieda għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista taħraq sew.