Id-Deputat Nazzjonalista u eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said deher evidentament dispjaċut li tħalla barra mix-Shadow Cabinet ta’ Bernard Grech, li rapporti li baqgħu mhux miċħuda qalu li Ray Bezzina, l-eks Chief of Staff ta’ George Pullicino, kien involut fl-għażliet.
Dan anki jekk fil-jum tal-miġja tal-Papa ħarġet l-aħbar li Bezzina rriżenja mill-Kap tal-uffiċċju ta’ Bernard Grech.
Fuq il-paġna tiegħu fuq facbeook Chris Said kiteb dwar id-deċiżjoni tal-Kap u benġielha li jifhem id-deċiżjoni li ħa Bernard Grech u l-istess sentiment qalu mal-gazzetta The Malta Independent.
L-istess gazzetta tkellmet ma’ Said u staqsietu jekk hux kuntent li ma ngħatax portafoll, b’Said jikkonferma li hu ried jieħu inkarigu biex ikun kelliem ta’ settur iżda Bernard Grech ħallieh barra.
Mistoqsi b’mod ċar hux kuntent bid-deċiżjoni ta’ Bernard Grech, li Said ħadem għalih fil-kampanja biex tqaċċat Adrian Delia mit-tmexxija, Said qal li mhiex kwistjoni jekk hux kuntent jew le.
Dan f’dikjarazzjoni ċara li Said qed iħossu bħal-lumija magħsura u mormija kif ħassewhom oħrajn li tkellmu wara l-elezzjoni ġenerali.
Fost dawn hemm Doris Borg, li ħarġet mal-Partit Nazzjonalista fuq it-tieni distrett u qalet li kien hemm kandidata oħra li ġiet preferuta fuqha u li kkalpestaw id-dinjità tagħha fost diskriminazzjonijiet oħra fil-konfront tagħha.
Fil-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech bħalissa teżisti apatija sħiħa u skuntentizza għal mod kif imxew l-affarijiet waqt il-kampanja elettorali.
Anki l-Viċi Kap Robert Arrigo mar fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista u qal li filwaqt li ġabar il-flus għall-kampanja, ma kien involut xejn.
Intant ma’ Chris Said tħallew barra żewġ Deputati oħra fix-Shadow Cabinet iżda nies bħal Karol Aquilina ngħataw is-saħħa bil-portafoll tal-ġustizzja li fuqu nies tal-għaqda Repubblika insistew li ma jieħdu ħadd ħlief wieħed mill-ewlenin tal-Blue Heroes.
Dan apparti li Beppe Fenech Adami ngħata portafoll li s-sorsi tagħna fl-istamperija qalulna li ngħata lilu bi skop biex iwassal il-messaġġ tal-Oppożizzjoni barra minn Malta.
Id-dwejjaq fil-partit ta’ Bernard Grech deher ċar anki fost partitarji Nazzjonalisti li intervjenew fi programmi fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista u wrew l-għadab tagħhom għall-fatt li tliet Deputati ma ngħataw l-ebda portafoll.
“Jien minn Għawdex, min-Nadur u vera ddispjaċuta ħafna għax il-Chris ma għamlu xejn u anki lil Mario De Marco u Carm Mifsud Bonnici. Iva dawk it-tlieta ma sabilhomx xi ħaġa? Vera ddispjaċuta ħafna, ħafna, u għidulu lil Bernard li l-Għawdxin huma ddispjaċuti ħafna għal Chris u l-oħrajn ukoll.”