Chris Fearne huwa l-persuna li l-Partit Laburista għandu bżonn biex jerġa’ jsir il-Partit tal-Ħaddiema. Hekk stqarr Tony Zahra, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA.
Is-Sur Zahra ddeskriva lil Chris Fearne bħala persuna abbli u t’integrità kbira, iżda iktar minn hekk, bħala persuna li dejjem poġġa l-interessi taż-żgħir qabel tal-kbir. Zahra spjega li minkejja li ġej mid-dinja tan-negozju, japprezza dan il-valur u kemm hu bżonnjuż fis-sitwazzjoni kurrenti.
“Chris huwa persuna tan-nies, persuna li jispirak, persuna li ż-żgħir jagħtih ħafna importanza forsi iktar mill-kbir u bħalissa dan li għandna bżonn aħna. Li mmorru lura għar-roots tagħna”, sostna s-Sur Zahra.
Is-Sur Zahra kompla jgħid li kemm ilu jaf lil Chris Fearne dejjem innota li ta importanza lill-ħaddiem u lil min l-iktar li għandu bżonn l-għajnuna.
Il-President tal-MHRA wissa li pajjiżna qiegħed f’sitwazzjoni delikata u li għalhekk jeħtieġ li jkollna Prim Ministru li jieħu ħsieb isaħħaħ l-istituzzjonijiet u jżomm l-ekonomija stabbli. Fi kliemu stess, il-persuna li tista’ tagħmel dan huwa Chris Fearne.