Il-Ministru għas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne ġie nominat għar-rwol ta’ President tal-World Health Assembly tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO).
Il-Ministru u Deputat Prim Ministru qal li din hija turija tal-fiduċja fis-sistema tas-saħħa Maltija.
L-Assemblea Dinjija tas-Saħħa hija l-korp li tieħu d-deċiżjonijiet tal-WHO. Għaliha jattendu delegazzjonijiet mill-Istati Membri kollha tal-WHO, u tiffoka fuq aġenda speċifika relatata mas-saħħa, mħejjija minn Bord Eżekuttiv.
Il-funzjonijiet ewlenin tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa huma li tiddetermina l-policies tal-Organizzazzjoni, taħtar id-Direttur Ġenerali, tissorvelja l-aspett finanzjarju, u tirrevedi u tapprova l-baġit tal-programm propost.
L-Assemblea tas-Saħħa ssir kull sena f’Ġinevra, l-Isvizzera.