F’Settembru li ġej, Chris Fearne mhux se jikkandida ruħu għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista.
Huwa ħabbar dan f’kitba fuq il-midja soċjali, ftit wara li flimkien ma’ 13-il persuna u kumpanija oħra tpoġġa taħt att t’akkuża fil-kawża marbuta mal-inkjesta dwar il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet.
B’rabta mal-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Fearne tenna li min se jiġi elett f’din il-kariga se jinħatar awtomatikament is-suċċessur tiegħu għall-kariga ta’ Deputat Prim Ministru. Dan hekk kif saħaq li l-pajjiż ma jistax jibqa mingħajr Deputat Prim Ministru.
Mr Fearne tenna li huwa dan l-istess prinċipju fl-interess nazzjonali li kien waslu biex jirriżenja minn Deputat Prim Ministru u Ministru fil-Kabinett tal-Ministri u anki biex jirtira n-nomina tiegħu għall-ħatra ta’ Kummissarju Ewropew.
Fearne tenna li “hekk titlob l-irġulija u hekk titlob Malta li tiġi l-ewwel u qabel kollox.”
Waqt li sostna li se jibqa’ jsostni l-innoċenza sħiħa tiegħu fil-fazi li jmiss tal-proċess ġudizzjarju, Chris Fearne saħaq li hu ċert li l-Qorti se ssib il-verità, jiġifieri l-innoċenza sħiħa tiegħu.
Mr Fearne qal ukoll li “billi l-proċess ġudizzjarju nifhem li se jtul numru ta’ xhur, nerġa’ nagħżel li npoġġi l-interessi tal-pajjiż, u r-rispett lejn il-Qorti, qabel kull konsiderazzjoni oħra. Hekk dejjem għamilt u hekk se nkompli nagħmel.”
AQRA AKTAR: