Jekk Chris Fearne ikun elett mexxej tal-Partit Laburista, u eventwalment Prim Ministru, ma jkollux chief of staff. Minflok ikollu advisors li jagħtuh il-pariri meħtieġa, iżda dejjem ikun hu li jieħu d-deċiżjonijiet.
F’intervista fuq ONE Radio, id-Deputat Prim Ministru nnota li l-aħħar tliet Prim Ministri użaw sistema fejn kien hemm żewġ ċentri ta’ poter: il-Prim Ministru u xi ħadd fl-uffiċċju ta’ ħdejh.
Chris Fearne saħaq li dan ma jfissirx li l-Prim Ministru kien dgħajjef, iżda sistema li ntirtet wasslet biex kien hemm persuni li kellhom setgħa kważi daqs tal-Prim Ministru.
Qal li jekk jingħata l-fiduċja u jkun Prim Ministru, id-deċiżjonijiet jeħodhom hu, u filwaqt li jkollu numru ta’ advisors għaliex ħadd ma jifhem f’kollox, ma jkollux chief of staff.
“Waqt li jkolli numru ta’ advisors, minix biħsibni jkolli chief of staff, inħalliha vakanti dik il-pożizzjoni, biex id-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu jeħodhom il-Prim Ministru mal-kollegi tal-Kabinett u l-advisors, u ma jkunx hemm xi figura li għandha dis-setgħa f’idejha li jekk kif diġà ġara, tiżġarra, jiżgarra l-pajjiż kollu.”
Id-Deputat Prim Ministru tenna li hemm bżonn jittieħdu d-deċiżjonijiet biex il-partitarji Laburisti ma jinsewx li l-Partit li jimmilitaw fih huwa partit sod b’valuri bla preċedent.