Il-ġid ekonomiku li ħoloq dan il-Gvern irid ikompli jilħaq lill-faxxex kollha tas-soċjetà. Hekk stqarr id-Deputat Prim Minsitru Chris Fearne meta żar lill-ħaddiema ta’ Ozo Group, kumpanija li timpjega mal-elfejn ħaddiem fis-settur tas-servizzi.
Fearne tkellem dwar il-prijoritajiet tiegħu jekk ikun elett mexxej tal-Partit Labursita, fost oħrajn dwar kif irid isaħħaħ ir-ruħ soċjali tal-Gvern. Huwa spjega li jemmen li għandha tingħata iktar għajnuna lill-ġenituri li jaffaċjaw spejjeż kbar tul it-trobbija t’uliedhom u għalhekk, jekk jingħata l-fiduċja tal-membri tal-Partit Laburista, se jara li jiżdiedu ċ-children’s allowance.
“Waħda mill-miżuri li ħabbarna biex inkomplu fuq ix-xogħol li wettaqna fl-aħħar snin ma’ Joseph Muscat hija l-miżura biex innaqsu, inneħħu l-faqar minn pajjiżna. Wara li ħabbarna l-miżura ta’ ħlas indaqs għal xogħol indaqs fis-sena li ġejja se nkunu f’ pożizzjoni li ngħollu c-childrens allowance. Ngħolluha l-aktar lil dawk l-aktar li għandhom bżonnha, iġifieri dawk il-familji li jaqilgħu l-anqas flus u se jkun hemm żieda li twassal sa mitt ewro fis-sena.” Stqarr id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.
Id-Deputat Prim Ministru spjega kif wieħed u erbgħin elf tifel u tifla kapaci jibbenefikaw mill-proposta ta’ żieda fil-benfiċċju tat-tfal, b’investiment ta’ ftit anqas minn żewġ miljun u nofs ewro.
“Irridu ngħinu lill-ġenituri jkomplu jinvestu fl-iżvilupp ta’ uliedhom”, stqarr Fearne, u b’din id-daqqa t’id kapaċi ngħollu l-livell t’għajxien ta’ tant familji.