Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qed imexxi d-delegazzjoni Maltija għas-67 Kumitat Reġjonali tal-WHO tar-Reġjun Ewropew f’Budapest. Dan ilaqqa’ diversi ministri għas-saħħa u rapreżentanti għoljin tat-53 membru stat tal-WHO tar-Reġjun Ewropew.
Fost id-diskussjonijiet, il-Membri Stati se jaddottaw pjan ġdid kif jimplimentaw l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-2030 li tibni fuq il-politika ewropeja għas-saħħa u l-ħajja sana Health 2020. Dan il-pjan joffri opportunitajiet u sfidi lis-settur tas-saħħa kif ukoll jiprovdi direzzjoni komuni sabiex iċ-ċittadini ikollhom servizzi aħjar.
Id-deputat Prim Ministru saħaq fuq il-bżonn ta’ aċċess għall-kura speċjalizzata, kif ukoll għall-mediċini b’mod speċjali dawk innovattivi. Huwa elenka l-inizjattivi li Malta ħadet fil-Presidenza sabiex tistabilixxi kollaborazzjoni ma’ pajjizi oħra sabiex il-pazjenti ikollhom aċċess għall-trattamenti speċjalizzati b’mod paritkulari trattament għall-mard rari.
Chris Fearne għamel referenza għad-dikjarazzjoni Valletta fejn l-Italja, l-Portugal, Spanja, Ċipru, Greċja, Irlanda, r-Rumanija u Malta għamlu ftehim ta’ kooperazzjoni għall-furnimenet ta’ mediċina. Huwa saħaq fuq il-bżonn li l-membri stati jikkolaboraw sabiex ikollhom pożizjoni aħjar sabiex jinnegozzjaw forniment ta’ mediċini b’ prezzijiet sostenibli.
Il-Kumitat Reġjonali jintemm il-Ħamis 14 ta’ Settembru.