L-aċċess ugwali għal riżorsi tas-saħħa għall-pajjiżi kollha madwar id-dinja, irrispettivament miċ-ċokon tagħhom, kien il-messaġġ prinċipali li wassal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne waqt diversi laqgħat tas-saħħa organizzati min-Nazzjonijiet Magħquda bħala parti mill-Assemblea Ġenerali tal-istess organizzazzjoni internazzjonali, fi New York.
Quddiem il-Ministri tas-Saħħa u l-Ambaxxaturi tal-Istati Membri, id-Deputat Prim Ministru aċċenna dwar l-isfidi ta’ pajjiżi żgħar, bħal Malta, f’oqsma bħall-aċċess għall-mediċini effettivi, fejn uża din il-pjattaformi internazzjonali biex jaqsam soluzzjonijiet li jistgħu jegħlbu dawn l-isfidi.
Il-Ministru Fearne appella għal sistemi ġodda tax-xiri tal-mediċini u t-tqassim tagħhom madwar id-dinja, kemm dawk innovattivi u kif ukoll għall-mediċini stabbiliti, li bħalissa pazjenti minn swieq żgħar, jew ekonomikament mhux b’saħħithom, isibuha diffiċli jaċċessaw.
Huwa tkellem dwar l-inizjattiva li qed jieħu pajjiżna fix-xena Ewropea, fejn permezz ta’ sistema ta’ tabelli elettroniċi bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea, l-isfida tal-lingwa tista’ tkun solvuta darba għal dejjem.
Bħala Ministru tas-Saħħa Malti, u bħala l-President tal-Assemblea Dinjija għas-Saħħa, Fearne tkellem ukoll dwar l-impatt fuq is-sistemi tas-saħħa li jħallu warajhom realtajiet bħall-gwerer, tibdil fil-klima u ż-żieda fir-reżistenza għall-antimikrobji.
Waqt iż-żjara tiegħu fi New York, id-Deputat Prim Ministru kien ukoll mistieden imexxi diversi laqgħat prominenti, fost oħrajn dwar l-investiment meħtieġ fis-sistemi tas-saħħa wara l-pandemija.
“Kellna tlett ijiem ta’ laqgħat intensivi fuq il-qasam tas-saħħa fosthom fuq kif id-dinja għandha tkun preparata aħjar jekk ikollna pandemija oħra. Il-pandemija li għaddejna minnha tal-Covid, sabet lid-dinja mhux preparata daqs kemm kellha tkun. Importanti li dawn il-lezzjonijiet, anki issa li naqset naqra l-biża’ tal-Covid, ma ninsewhomx, anzi nibnu fuqhom biex meta, jekk ikun hemm pandemija oħra, inkunu aktar preparati fuq qasam mondjali, il-pajjiżi kollha jridu jidħlu f’dal-qafas.”
Il-Ministru Chris Fearne kellu wkoll sensiela ta’ laqgħat bilaterali ma’ diveresi Ministri tas-Saħħa minn madwar id-dinja.