“Pajjiżna jeħtieġ fejqan immedjat, u Chris Fearne huwa l-Prim Ministru li Malta għandha bżonn.”
Kliem il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, li ilha taf lil Chris Fearne mindu kien żagħżugħ jaħdem b’mod volontarju fil-Partit Laburista.
Qalet li tafu f’sitwazzjonijiet fejn tkellem u ħa azzjoni biex isir is-sewwa, kemm fil-bnazzi, u fil-maltemp.
Il-President Emeritu qalet li Chris Fearne dejjem ħadem għal dawk l-aktar fil-bżonn, u tafu bħala persuna li l-lealtà tiegħu dejjem kienet lejn Malta u lejn il-valuri tal-Partit Laburista.
“Mingħajr ħafna pompa jaħdem u jbiddel ħajjet in-nies bħalma għamel kemm bħala Ministru kif ukoll bħala Deputat Prim Ministru. Imbagħad Chris bħala tabib u kirurgu bravu speċjalizzat fit-tfal tgħallem kif jieħu deċiżjonijiet urġenti dejjem b’risq il-pazjent, u dal-pajjiż u l-Partit li jien ħdimt fih minn meta kelli sittax-il sena għandhom bżonn fejqan immedjat u għalhekk nemmen li Chris Fearne huwa l-għażla tal-mument.”
Il-President Emeritu qalet li Chris Fearne jifhem l-uġigħ ta’ dawk li taw ħajjithom għall-Partit u għal-pajjiż, u għalhekk temmen li Chris Fearne huwa l-Prim Ministru li pajjiżna għandu bżonn, biex il-Maltin joħorġu minn dan il-mument diffiċli, imġedda, imsaħħa u maqgħudin.