Partit Laburista B’Saħħtu – din hija l-vizjoni ta’ Chris Cardona għall-Partit Laburista u permezz t’ għadd ta’ proposti li jolqtu kull fergħa tal-partit bi ħsiebu jkompli jkattar sentiment ta’ kburija u apprezzament fost dawk li jagħtu sehmhom fil-Partit.
Is-Sibt filgħodu, f’ Baċir numru 1, il-post li offra impjieg lil tant Maltin fil-passat u li huwa s-sit li se jospita l-investiment tal-futur, Cardona saħaq li l-vizjoni tiegħu għall-Partit hija simili għal dik adottata mill-Gvern għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Kemm-il darba jkun elett deputat mexxej għall-affarijiet tal-Partit Cardona bi ħsiebu jiltaqa’ b’ mod iktar regolari mal-kumitati lokali, distrettwali u l-fergħat tal-Partit Laburista filwaqt li jintroduċi sensiela ta’ laqgħat intereġjonali għad-delegati u l-attivisti Laburisti. Sabiex iktar nisa jkunu attirati fl-isfera politika, Cardona ppropona servizz ta’ Child Care Facility fic-Centru Nazzjonali Laburista biex l-attivisti ġenituri jew nanniet ikollhom il-faċilita li jissuktaw bil-ħidma politika tagħhom filwaqt li jieħdu magħhom lit-tfal u neputijiet.
Kienu ppreżentati wkoll għadd ta’ proposti għall-Għawdxin fosthom Konferenza Ġenerali Straordinarja f’ Għawdex kull sentejn u l-ftuħ ta’ Ċentru Reġjonali li jospita laqgħat għall-attivisti Għawdxin, fost oħrajn. Għall-Kunsilli Lokali, Chris Cardona ppropona sistema li biha persuna fic-Ċentru Nazzjonali Laburista tkun tista tlaqqa’ l-bżonnijiet tal-Kunsilli Lokali mal-Ministeri, Awtoritajiet u Dipartimenti tal-gvern għal iktar assistenza. Kemm-il darba jikseb il-fiduċja tad-delegati, Cardona saħaq li se jkun qed jistinka biex il-Partit Laburista ikun iktar reazzjonarju.
https://www.youtube.com/watch?v=Ewwh-oXTEsM