Matul il-jum, il-Korp Diplomatiku kellu laqgħa wkoll mal-Partit Laburista.
F’messaġġ lill-ambaxxaturi fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, id-deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit Chris Cardona aċċenna għall-perjodu diffiċli li għadda minnu pajjiżna fl-aħħar xhur.
Qal li x-xogħol tal-ambaxxaturi huwa fundamentali biex iwasslu l-messaġġ korrett u ta’ rieda tajba.
Sostna kif issa l-Partit u l-pajjiż beda paġna ġdida taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela. Qal li huwa l-obbligu ta’ kull wieħed u waħda minnha li noffru l-appoġġ kontinwu tagħna biex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna terġa’ tilħaq l-ogħla livelli possibbli.
Id-deputat mexxej Laburista qal li Malta għandha ħafna x’toffri u li l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet għandhom irwol ewlieni fl-identità ta’ pajjiżna.
Dr Cardona esprima t-tħassib tiegħu wkoll b’rabta mat-tensjonijiet fil-Libja f’xenarju mhux daqstant pożittiv għar-reġjun tagħna.