Chris Cardona bagħat ittra lill-Partit Laburista fejn irriżenja minn deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit tal-Partit Laburista.
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela l-Erbgħa filgħodu lill-ġurnalisti barra Kastilja.
Il-Prim Ministru qal, “Jiena infurmat li Chris Cardona bagħat ittra fejn qiegħed jirriżenja mill-kariga tiegħu ta’ deputat mexxej u l-proċess diġà tnieda sabiex bejn nofs u t-tielet ġimgħa ta’ Lulju titlaqqa’ Konferenza Ġenerali fejn jinħatar deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit”.
Ftit tas-sigħat qabel, il-Prim Ministru kien qal li kien hemm komunikazzjoni ma’ Dr. Cardona u wrieh ix-xewqa tiegħu li ma jibqax jokkupa l-kariga u fil-ħin li ġej kien se joffri r-riżenja tiegħu.
Il-Prim Ministru kien qal ukoll li Chris Cardona qatt ma kien jifforma parti minn Gvern immexxi minnu u minn Jannar sal-lum ma kienx Ministru u sussegwentament irriżenja minn membru parlamentari.
Intant fi stqarrija l-Partit Laburista rringrazzja lil Chris Cardona għall-ħidma politika li wettaq b’lealtà tul is-snin fi ħdan l-istrutturi tal-Partit.
Spjega kif Chris Cardona serva bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit sa mill-2016.
Il-Partit Laburista temm jgħid li issa jħares ’il quddiem għal proċess elettorali sabiex jiġi maħtur Deputat Mexxej ġdid għall-Affarijiet tal-Partit.
Filmat: Times