Il-kantant famuż mondjali Chris Brown tkellem dwar meta attakka lill-eks sieħba tiegħu Rihanna, fejn iddeskriva r-relazzjoni li kellhom bħala waħda vjolenti tant li wasslet għalih itiha daqqa ta’ ponn.
Kien proprju lura fl-2009 meta ħarġu ritratti tal-kantanta Rihanna mbenġla, u b’xuftejha maqsuma wara li Brown attakkaha fil-karozza tiegħu.
F’dokumentarju ġdid, hu qal li Rihanna kienet qed tagħtih daqqiet b’sieqa u b’idha waqt argument dwar mara oħra ftit qabel ma “verament taha daqqa” u gidmilha idha.
Hu qal li ħassu bħala “mostru” u li l-ġlieda se tibqa’ f’moħħu għal dejjem.
Brown ngħata ħames snin probation u kif ukoll servizz fil-komunità għall-attakk li wettaq.
Fl-istess dokumentarju, Chris Brown qal li r-relazzjoni ta’ bejniethom bdiet tmajna meta ammetta li ħareġ ma’ mara oħra, anke jekk kemm-il darba qal li mhix veru fil-passat.