F’Jum il-Mara, ġiet imnedija inizjattiva li l-għan tagħha hu biex jiġi pprovdut servizz ta’ childminding għat-tfal tal-membri tal-kunsill waqt il-laqgħat statutorji tal-Kunsilli Lokali.
Permezz ta’ dan is-servizz il-membri kollha tal-Kunsilli Lokali, Reġjonali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli, se jkunu jistgħu jagħmlu bilanċ aħjar ir-responsabbiltajiet tal-familja u l-impenji uffiċjali fi ħdan il-kunsilli lokali.
Is-servizz ta’ childminding waqt il-laqgħat se jkun qed iwassal sabiex il-governanza lokali ssir aktar innovattiva u inklussiva, billi jkunu msaħħa l-opportunitajiet għal dawk li jixtiequ jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-komunitajiet tagħhom, b’anqas piż fuq il-ħtiġijiet personali u tal-familja tagħhom.
Waqt diskors qasir, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, semmiet kif f’dawn l-aħħar snin ġew introdotti diversi miżuri sabiex dawn l-isfidi jiġu indirizzati u jgħinu lill-ġenituri u kustodji jsibu bilanċ, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici qal li l-mira tal-Gvern hi li jkun hemm parteċipazzjoni ikbar tal-mara fid-dinja tax-xogħol, fil-ħajja pubblika u f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija u semma li l-ammont ta’ kunsilliera nisa fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura meta mqabbel mal-leġiżlatura tal-Kunsilli Lokali ta’ qabel żdied b’5%.
Filwaqt li rringrazzjat lill-Kunsilliera kollha għall-ħidma tagħhom sabiex joffru l-aqwa servizz liċ-ċittadini u biex ikollna aktar lokalitajiet isbaħ u aktar inklussivi, Dr Lydia Abela semmiet kif din l-inizjattiva hija pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba.
“Tħabbret inizjattiva sabiħa mmens ‘TagħnaTfal’, fejn mhux biss qegħdin ninċentivaw in-nisa biex joħorġu fid-dinja tax-xogħol, iżda wkoll qed isir dan bil-fatti, li permezz tagħha in-nisa u kunsillieri kif ukoll irġiel, li għandhom it-tfal għadhom żgħar, għandhom l-opportunità li jeħduhom fil-binja tal-kunsill lokali. Dan huwa pass fid-direzzjoni tajba timlina b’kuraġġ li se nkomplu naħdmu ‘l quddiem biex inħajru aktar nisa joħorġu fil-ħajja politika.”
Dr Lydia Abela – Mart il-Prim Ministru
