Tnieda kunċett ġdid ta’ childcare centre ġdid li joffri ambjent kompletament ħieles mill-użu tal-iskrins. Tiny Scholars Childcare Centre, f’Raħal Ġdid, tnieda bil-għan li joffri esperjenza ta’ tagħlim aktar naturali u interattiva għat-tfal. Id-Direttur ta’ Tiny Scholars Childcare Centre, Yasmin Rababah, spjegat li l-għan wara din id-deċiżjoni kien li t-tfal iqattgħu ħinhom jinteraġixxu bejniethom, jikkomunikaw, u jesploraw l-ambjent ta’ madwarhom – elementi kruċjali biex jibnu ħiliet fiżiċi u soċjali b’saħħithom li se jservu ta’ pedament għall-iżvilupp tagħhom.
Din id-deċiżjoni saret wkoll fuq rakomandazzjonijiet tal-għaqda dinjija tas-saħħa li tirrakkomanda li tfal taħt is-sentejn ma jkunu esposti għall-ebda forma ta’ screen time.

“Ambjent bla skrins fil-childcare mhux biss jgħin fit-tkabbir soċjali u fiżiku tat-tfal, iżda wkoll jippromwovi żvilupp konjittiv b’saħħtu. Meta t-tfal jitħallew jilagħbu liberament, jagħmlu attivitajiet kreattivi u jipparteċipaw f’logħob sensorjali, huma jibdew jiżviluppaw il-ħsieb kritiku, l-immaġinazzjoni u l-ħiliet tal-komunikazzjoni tagħhom. Dan huwa fundamentali għall-ewwel snin tal-ħajja, meta moħħ it-tfal ikun għaddej minn żvilupp rapidu u sensittiv għal kull esperjenza li jgħixu. Apparti illi aħna m’għandiex screens, aħna nimxu fuq il-kunċett tal-emergent curriculum illi dan ifisser li mhux marbutin b’curriculum fiss iżda nagħmlu dak illi jinteressa lit-tfal. Dan huwa il-curriculum użat fil-kinder u allura it-tfal ikunu diġa mħejjin għalih,” temmet tgħid Rababah.
Barra minn hekk, childcare mingħajr teknoloġija jgħin biex it-tfal jibnu relazzjonijiet aktar sinċieri u profondi, kemm ma’ sħabhom kif ukoll mal-edukaturi. Dan it-tip ta’ ambjent joħloq klima aktar kalma u b’inqas stimulazzjoni żejda, li ħafna drabi tirriżulta mill-użu kontinwu tal-iskrins. It-tfal jitgħallmu jistennew, jikkollaboraw u jsolvu problemi flimkien – ħiliet essenzjali li jservuhom fil-ħajja kollha. Ambjent bħal dan, fil-fatt, jgħin biex jitrawmu wkoll drawwiet tajbin għall-bilanċ bejn ħin attiv u żmien ta’ mistrieħ anke barra l-iskola.
Tiny Scholars jilqa’ massimu ta’ 26 tifel u tifla u jinsab biswit iċ-ċentru Reġjonali tas-saħħa Vincent Moran Hub fi triq tal-Borġ.
