L-Awtorita’ tal-Ippjanar ippubblikat għall-konsultazzjoni pubblika, policy aġġornata’ li tiggwida aħjar l-ippjanar għal użu tal-art sabiex tiżgura li d-domanda għall-faċilitajiet ta’ child day care, li dejjem qed tikber, tingħata l-attenzjoni meħtieġa, b’iktar importanza tingħata lill-benesseri u l-kwalita’ ta’ ħajja għat-tfal.
L-Awtorita’ tal-Ippjanar spjegat li l-kunsiderazzjonijiet prinċipali f’dan id-dokument ta’ gwida jaqgħu fi tliet oqsma tematiċi: l-addattament tal-lokalita’, l-idonita’ u l-iskala tal-bini u l-impatt potenzjal fuq il-ġirien. Il-linji gwida jipproponu li l-faċilitajiet taċ-childcare ikunu f’żoni residenzjali jew fl-employment hubs.
Hekk tkun enfasizzata l-importanza lil-faċilitajiet taċ-childcare huma għas-servizz komunitarju, iżda wkoll jiffaċilita’ lill-ġenituri li jaħdmu, billi jkollhom aċċess għal dawn il-faċilitajiet qrib il-post tax-xogħol tagħhom. L-employment hubs kif inhuma indikati fil-pjanijiet lokali jinkludu town centres, żoni industrijali, micro-enterprise parks, żoni turistiċi u żoni tad-divertiment.
Il-policy tagħmel dispożizzjoni li jekk żona industrijali tiġi kkunsidrata bħala sit adattat, ikun meħtieġ li jittieħdu miżuri biżżejjed biex jiġi żgurat ambjent ta’ kwalita’ ta’ ħajja għolja għat-tfal. Il-linji gwida ma jeskludux li binjiet eżistenti fil-kampanja jistgħu wkoll ikunu adattati għall-provvediment ta’ childcare sakemm il-binja ma tkunx tinsab wisq ‘il bogħod miż-żona urbana u hi diġa’ aċċessibbli minn toroq oħra.
Fi stqarrija, l-Awtorita’ fissret kif il-linji gwida jagħmlu provvediment li faċilitajiet ta’ childcare li jinsabu f’toroq arterjali, distributorji jew toroq oħra fejn jinġabar traffiku kbir mhux ser ikunu kkunsidrati b’mod favorevoli minħabba l-preżenza ta’ livelli mhux mixtieqa ta’ tniġġis kimiku, l-istorbju, kif ukoll riskju akbar ta’ inċidenti tat-traffiku.
Minn aspett ta’ użu tal-art, il-policy proposta tikkunsidra li terraced houses, maisonettes u propjetajiet detached li jinsabu f’siti adattati jistgħu jiġu kkunsidrati għall-użu ta’ faċilitajiet ta’ child day care, sakemm jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din il-policy.
Barra minn hekk, il-proprjetajiet detached, jista’ jkollhom il-vantaġġ minħabba l-probabbilta’ li jkunu jistgħu jipprovdu żoni miftuħa fejn it-tfal jilagħbu kif ukoll jakkomodaw aktar parkeġġ.
Sabiex tiġi protetta l-amenita’ taż-żona tal-madwar u l-impatt li dawn il-faċilitajiet jista’ jkollhom fuq il-ġirien, postijiet li jaqsmu l-aċċess tagħhom ma’ blokk ta’ flats mhux ser ikunu kkunsidrati.
Barra minn hekk, il-faċilitajiet ta’ child day care kollha proposti iridu jiżguraw li dawn ikunu aċċessibbli għal kulħadd, inkluż persuni b’diżabilita’ u bi problema ta’ mobilita’.
Fejn il-faċilita’ taċ-child day care tkun lokalizzata f’bini storiku jew f’żona ta’ konservazzjoni urbana (UCA), l-iżvilupp propost jeħtieġ li jirrispetta l-valur tal-wirt storiku tal-binja.
Il-policy tiżgura wkoll li primarjament il-postijiet proposti se jkunu evalwati mill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex tiġi deċiża jekk tkun tista’ tiġi kkunsidrata xierqa bħala faċilita’ ta’ child day care jew le. Il-Ministeru għandu wkoll jiddetermina n-numru massimu ta’ tfal flimkien ma’ numru korrispondenti ta’ carers li l-faċilita’ taċ-child care jista’ jkollha.
L-abbozz tad-dokument jinsab fuq www.pa.org.mt/public-consultation. Individwi u organizzazzjonijiet huma mistiedna jibagħtu rappreżentazzjoni tagħhom dwar din il-policy bil-miktub fuq l-e-mail address: childcare.policy@pa.org.mt sa mhux aktar tard mis-6 ta’ Diċembru, 2016.