Il-Malti jgħid li ‘min jiekol b’ixqda tnejn fl-aħħar jifga u jibqa’ b’xejn’. L-ambizzjonijiet żejda jwasslu għall-falliment.
Dak li llum huwa kkonfermat li lanqas fuq il-karta m’għadu jmexxi lill-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, sena ilu tkellem fuq mod ġdid u fi triq ġdida. Illum nafu li din it-triq ġdid mhi xejn għajr l-istess sqaq li daħal fih dak li llum għadu jmexxi lill-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil u miegħu l-Old guard Nazzjonalista, li mexxew id-Dinastiji Nazzjonalisti sa miż-żmien 80.
Ġimgħa u nofs ilu, il-Prim Ministru Joseph Muscat sejjaħ għall-ġurnalisti Kastilja sabiex jitkellem fuq il-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant, li llum kulħadd x’inhuma. Mill-inkjesta kien ikkonfermat kif Simon Busuttil ħadem u kkordina frame-up politiku bl-għan aħħari li jipprova jidħol Kastilja bħala Prim Ministru.
Fiss kien hemm ir-reazzjoni ta’ Delia li talab għas-sospensjoni ta’ Busuttil mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Deċiżjoni iebsa, iżda li ħadha. Deċiżjoni ammirevoli, forsi l-ewwel waħda soda fi kważi sena.
Iżda wara li ħadha, bdewl-isfidi fil-pubbliku minn Busuttil u ċ-ċorma ta’ madwaru. Sfidi li mhux biss umiljaw lil Delia, iżda kienu qed jitmejjlu bih fl-apert.
Għamlu ġimgħa għaddejjin, ġimgħa li matulha rajna lil Delia, l-ewwel jirreaferma l-pożizzjoni li ħa, imbagħad qisu beda jitfa’ dejjem il-ballun f’saqajn Simon Busuttil li għandu jkun hu li jieħu d-deċiżjoni u fl-aħħar ċeda għall-pressjoni.
Ġimgħa u ġurnata wara, li prova juri lil Malta kemm huwa b’saħħtu, ħareġ kemm huwa pupazz f’idejn min jiġbed l-ispag skont kif jaqbilu. Lil Delia ġabuh agħar minn stoċċ chewing gum, li tomgħod u ġġebbed fih kemm trid. Persuna li jitkellem b’ħafna grandjożità biex jaħbi d-djgħufija evidenti li spiċċa biex għamel tiegħu wkoll l-ikbar frame-up politiku fl-istorja politika Maltija: il-gidba/kalunja Egrant.
Hawnhekk tikber ir-responsabiltà, iżda jikbru bil-bosta aktar il-mistoqsijiet;
– Kif spiċċa bela’ l-kliem kollu li qal?
– Jinsab mhedded li jinkixef xi għawar?
– Kien mhedded li se jkun imressaq vot ta’ fiduċja fil-Parlament kontrih?
– Kien mhedded bi split fil-Partit tiegħu?
– X’inhu d-deal li sar?
– Min se jġorr ir-responsabilità issa ta’ din il-kalunja fuq mart il-Prim Ministru, il-Prim Ministru u l-familja tiegħu?
Id-differenza bejn Joseph Muscat u min qed jaspira li jmexxi lil PN, Delia, qatt ma kienet daqshekk kbira. Joseph Muscat kien ikkonfermat Prim Ministru wara gidba/ħniżrija bħal dik, lil Delia, inqas minn sena wara li suppost laħaq Kap, diġa’ qed jaraw kif se jtajjrulu rasu. Forsi dan kien id-deal, li biex jibqa’ naqra oħra hemm, bis-suppost kariga, jżomm lil Busuttil f’postu, u l-unika pass li ħa kien li ħa l-portafol tal-“good governance” mingħand min kien l-Awtur prinċipali ta’ gibda fuq ħaddieħor, u l-istess persuna li fuq Delia, li llum huwa l-Kelliem il-ġdid għall-“Good Governance”, qal li kieku kien floku kien jirtira mit-tellieqa wara li ħarġu allegazzjonijiet dwaru mill-istess persuna li magħha ħadem fuq il-gidba Egrant.
Chewing gum.