Il-veteran John Richards tilef biss nofs punt fil-battalja li wasslitu għar-rebħ tal-Preliminaries – l-ewwel fażi tal-Kampjonati Nazzjonali taċ-Ċess. Richards rebaħ l-aħħar Preliminaries tiegħu lura fl-2015, u din is-sena, dehret ċara d-determinazzjoni tiegħu, hekk kif rebaħ l-ewwel 5 logħbiet tiegħu kontra Gabriel Grech, Alfred Azzopardi, Leonardo Zangrilli, Karl Saliba u Andrea Abela. Ayman Ibrahim li spiċċa fit-tieni post, irnexxielu jikseb draw kontra Richards, u kien l-uniku plejer apparti Richards, li spiċċa t-turnew mingħajr telfiet. Ibrahim rebaħ kontra Mark Fleri, Joseph Gatt, Adam Buckle u Karl Saliba, filwaqt li ġab draw kontra Abela, Ron Sammut u John Richards.
Il-logħob fl-aħħar jumejn kien ferm interessanti, hekk kif il-plejers kienu qed jissieltu biex jaħtfu l-ewwel tmien postijiet u b’hekk jikkwalifikaw għat-tieni fażi tal-Kampjonat – il-Candidates. Joseph Gatt u Ron Sammut ikklassifikaw fit-tielet u r-raba’ post rispettivament b’riżultat finali ta’ 5 punti. Għal Sammut dan kien ritorn pożittiv fix-xena kompetittiva taċ-ċess lokali, wara nuqqas ta’ ftit snin.
Wieħed mis-sorpriżi tal-kampjonat kien iż-żagħżugħ Noah Cauchi li rnexxielu jikseb 4.5 punti, li wassluh fil-5 post. Cauchi, li għalissa għadu mingħajr rating (għandu jikseb rating internazzjonali mal-aġġornament li jmiss ta’ din il-lista uffiċjali), għeleb lil Andrei Dobbin, Isaac Grima Bongailas, Keshav Reyanash u Adam Buckle, filwaqt li spiċċa draw kontra Leonardo Zangrilli.
L-aħħar tliet postijiet ittieħdu minn Abela, Saliba u Refalo, li kollha kisbu 4 punti kull wieħed. Abela għeleb lil Manuel Cutajar Lofaro, Refalo u Dobbin, filwaqt li ġab draw kontra Ibrahim u Gatt. Saliba għeleb lil Buckle u Cauchi u ġab draw kontra Sammut u Refalo. Saliba lagħab bl-intenzjoni soda li jirbaħ kull logħba, iżda sfortunatament tilef kontra Richards u Ibrahim. F’dawn iż-żewġ logħbiet, Saliba irnexxielu jissielet b’logħob b’saħħtu u pożizzjonijiet favorevoli, iżda mbagħad spiċċa biex tilef minħabba nuqqas ta’ ħin. Refalo kiseb l-aħħar post ta’ kwalifikazzjoni permezz tar-rebħ tiegħu kontra Stephen Busuttil Naudi, Mario Haber u Cauchi, u bi draw kontra Gatt u Saliba.
Dobbin u Haber it-tnejn spiċċaw b’erba’ punti fl-aħħar, imma kellhom riżultat finali ta’ tie-breaks inferjuri biex b’hekk ikklassifikaw fid-disa’ u l-għaxar post rispettivament. Huma jinsabu fiċ-ċans li jkunu ikkunsidrati biex jipparteċipaw fil-Candidates, f’każ li xi ħadd mill-ewwel tmienja ma jikkompetiex fit-tieni fażi tal-Kampjonat.
Il-plejer żagħżugħ Leonardo Zangrilli kien wieħed mill-plejers li wera titjieb sostanzjali tul dan it-turnew. Huwa kien żvinturat ferm meta tilef żewġ logħbiet li fihom kien qed igawdi vantaġġ sabiħ fil-pożizzjonijiet. Il-konċentrazzjoni tiegħu u l-abbiltà li jqassam il-ħin tal-logħba sew, jikkonferma kemm huma ġusti ż-żidiet riċenti fir-rating ta’ Zangrilli. Ma nkunux qed niżbaljaw meta ngħidu li m’aħniex ser indumu wisq, qabel ma naraw dan il-plejer bravu jikklassifika wkoll fil-Candidates fil-futur qarib.
Klassifikazzjoni Finali:
6.5pt: John Richards
5.5pt: Ayman Ibrahim
5pt: Joseph Gatt, Ron Sammut
4.5pt: Noah Cauchi
4pt: Andrea Abela, Karl Saliba; Ian Refalo, Andrei Dobbin, Mario Haber
3.5pt: Leonardo Zangrilli, David Gauci, Filipina Thornton, Mark Fleri
3pt: Adam Buckle, Alfred Azzopardi, Gabriel Grech, Alfred Azzopardi, Isaac Grima Bongailas
2.5pt: Keshav Reyansh
2pt: Paul Cassell, Manuel Cutajar Lofaro
1pt: Hayley Thornton, Stephen Busuttil Naudi