Cherise Farrugia (Tiġrijiet taż-Żwiemel) u Graham Pellegrini (Atletika) huma r-rebbieħa għax-xahar ta’ Frar 2024 tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ/a tax-Xahar li min din is-sena qed ikollu żewġ rebbieħa kull xahar.
Cherise Farrugia, li għandha 19-il sena, irreġistrat il-ħamsin rebħa fil-karriera tagħha, nhar it-Tnejn 26 ta’ Frar fuq id-debba Hanouchka.
Cherise Farrugia bdiet dan l-isport ta’ età żgħira ħafna meta kienet tattendi l-akkademja tat-tiġrijiet fil-korsa tal-Marsa. L-ewwel rebħa tagħha waslet fl-1 ta’ Novembru 2020 permezz ta’ Erromanga ftit xhur biss wara li ġiet liċenzjata uffiċjalment
Graham Pellegrini li wkoll għandu 19-il sena, kiser ir-rekord nazzjonali fuq l-400m waqt li kien qed jirrappreżenta lil Malta fil-Kampjonati tal-Atletika Indoor tal-Balkani f’Istanbul, fejn ikklassifika quddiem atleti minn nazzjonijiet stabbiliti fl-atletika, fosthom il-Bulgarija, l-Ukrajna u l-Moldova.
It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ/a tax-Xahar għal Frar 2024 flimkien mal-voucher t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Cherise Farrugia u Graham Pellegrini minn Matthew von Brockdorff, Direttur Maniġerjali u CEO, flimkien ma’ Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominazzjonijiet iridu jkunu għal atleti ta’ taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email fuq info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu f’dan il-link https://www.maltasportsjournalists.com/atlas-youth-athlete-of-the-month-rules-and-regulations/
Ritratt: Mix-xellug: Matthew von Brockdorff (Atlas Insurance), Lorraine Cunningham (MSJA), Cherise Farrugia, Graham Pellegrini u Robert Micallef (Atlas Insurance).