Fil-belt Portugiża ta’ Porto, Chelsea rebħu għat-tieni darba fl-istorja tagħhom il-kompetizzjoni prestiġjuża tal-UEFA Champions League.
Dan wara li s-Sibt filgħaxija, Chelsea għelbu lit-tim Ingliż ta’ Manchester City, bl-iskor ta’ 1-0.
L-unika gowl tal-partita u għat-tim rebbieħ wasal permezz tal-Ġermaniż, Kai Havertz, żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima.
Barra f’dan l-istaġun, Chelsea rebħu din il-kompetizzjoni prestiġjuża wkoll fl-2012, hekk kif it-tim minn Londra kien għeleb lil Bayern Munich fl-għoti tal-penalties.
Interessanti wkoll kif fl-2012 u dan l-istaġun, Chelsea rebħu din it-tazza prestiġjuza, meta l-klabb Ingliż biddel l-kowċ f’nofs l-istaġun. Fl-2012, kien inħatar il-kowċ Roberto Di Matteo minflok André Villas-Boas u dan l-istaġun, f’Jannar ta’ din is-sena nħatar il-kowċ Ġermaniż, Thomas Tuchel minflok l-eks plejer tal-klabb, Frank Lampard.
Għal Thomas Tuchel, din kienet it-tieni finali konsekuttiva tal-UEFA Champions League.
Dan hekk kif is-sena l-oħra, Tuchel kien kowċ tal-klabb Franċiż ta’ Paris Saint Germain. Iżda din id-darba, Tuchel irnexxielu jirbaħ iċ-Champions League.