Raġel inżamm arrestat wara li ġie akkużat bi stupru. L-akkużat, chef privat mill-Kuwajt tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana.
L-Ispettur tal-Pulizija Dorianne Tabone, li ħadet il-każ f’idejha riċentement, akkużat lir-raġel bi stupru, li weġġa’ ħafif lill-vittma, li kien fil-pussess ta’ kokaina mhux intiża għall-użu personali, u li biegħ il-kokaina.
L-Ispettur Tabone qalet li wara li l-allegat stupru seħħ fl-2016, kien diffiċli biex jiġi rintraċċat l-akkużat mill-awtoritajiet, peress li xogħlu kien jinvolvi vjaġġar fuq jottijiet. Il-pulizija kienet ressqet diversi talbiet u twissijiet internazzjonali dwar ir-raġel, li madankollu qatt ma nstab Malta.
Spjegat li riċentement, il-Pulizija rċeviet informazzjoni li tindika li r-raġel kien ilu Malta mix-xahar li għadda. Konsegwentament, inħareġ mandat ta’ arrest, li wassal għall-arrest tiegħu.
L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi. L-avukati difensur tiegħu, Frank Tabone u Jacob Magri, kif ukoll il-Prokuratur Legali Mark Sultana talbu l-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba, bil-prosekutur Sean Gabriel Azzopardi mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jgħid lill-Qorti li l-allegata vittma kienet għadha ma xehditx f’dan il-każ u li kien jaf fejn tgħix l-akkużata.
Barra minn hekk, ir-raġel seta’ jitlaq mill-pajjiż, minħabba r-rabtiet tiegħu barra minn Malta. Madanakollu, l-avukat difensur Frank Tabone sostna li l-fatti “kienu kompletament differenti minn dawk deskritti mill-prosekuzzjoni.”
Qal li l-allegat inċident kien seħħ f’Marzu tal-2016. Il-mara ressqet rapport li ġie investigat mill-Pulizija. Kienet saret u ġiet konkluża inkjesta maġisterjali fl-2018. Il-prosekuzzjoni qalet li fl-ebda punt ma ġie arrestat l-akkużat, jew mitlub jagħti stqarrija mill-Pulizija. Żied li l-allegata vittma kienet diġa’ xehdet taħt ġurament, u dan ifisser li diġa kienet ipprovdiet il-verżjoni tagħha.
L-avukat difensur qal li l-akkużat stess kien ippreżenta diversi rapporti f’għases tal-Pulizjia dwar każijiet mhux relatati, u qatt ma kien arrestat. Huwa wkoll parti f’kawża ta’ kustodja li għaddejja, u barra minn hekk, laħaq instab ħati ta’ kontravvenzjoni oħra. Għalhekk, argumentat id-difiża, ma kienx impossibbli li jiġi traċċat. L-avukat tal-akkużat kompla jgħid li r-raġel ilu jgħix fl-istess indirizz f’pajjiżna, u vjaġġa minn u lejn Malta diversi drabi mingħajr ma kien arrestat.
Fir-rigward tal-akkużi relatati mad-droga, id-difiża sostniet li l-unika raġuni għalfejn saret din l-akkuża hi għaliex fix-xhieda tagħha quddiem il-maġistrat inkwerenti, l-allegata vittma kienet sostniet li l-akkużat kien taha l-kokaina. L-ebda droga ma kienet instabet fil-pussess tal-akkużat, saħaq l-avukat.
L-Avukat Jacob Magri enfasizza l-fatt li l-inkjesta ġiet konkluża u li kull evidenza li setgħet kienet preżenti kienet diġà ġiet ippreservata hemmhekk.
Madankollu, il-prosekutur Sean Gabriel Azzopardi, li jirrappreżenta lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, informa lill-Qorti li l-allegata vittma ma kinitx xehdet waqt l-inkjesta u li ma nħatru l-ebda espert.
L-akkużat beka hekk kif il-Qorti ċaħdet it-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għal projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni kemm tal-ismijiet tal-akkużati kif ukoll tal-allegata vittma, minħabba n-natura tal-akkużi. Il-Qorti laqgħet ukoll talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni favur il-mara.