Chayenne Abela, studenta ta’ 14-il sena li tattendi l-Iskola Sekondarja San Ġorġ Preca tal-Ħamrun, se tkun ippremjata bil-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija.
Hija ġiet innominata mill-Kap tal-iskola li tattendi bi proponiment tal-għalliem Edward Azzopardi, hekk kif hija qed tkun ta’ għajnuna kbira għall-ħabiba tagħha Szintia Ladocki li ssibha diffiċli biex tikkomunika u tesprimi ruħha mal-għalliema u ma’ adulti li ma jkollhiex kunfidenza magħhom.
Fil-fatt, Abela qed tkun il-vuċi għal Ladocki.
Abela ġiet deskritta bħala studenta eżemplari, bieżla, edukata u għandha rispett kbir lejn studenti sħabha u l-għalliema. L-istudenta żagħżugħa mhux biss qed tkun ta’ għajnuna għal Ladocki imma wkoll għal kumplament ta’ sħabha.
Din hija l-56 sena li qed jingħata l-Premu Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija.