Għat-tieni darba fl-istess jum l-attentat tat-tim tal-powerboats Chaudron biex jikser ir-rekord tal-iktar dawra veloċi madwar Malta spiċċa fix-xejn. Ħsara teknika oħra fil-powerboat Chaudron wasslet biex it-tieni attentat jiġi abbandunat.
Il-powerboat kienet qed tinstaq minn Aaron Ciantar flimkien mat-throttleman minn Korsika Dominique Martini.
Id-dawra mal-kosta Maltija kellha tibda u tintemm fl-inħawi ta’ Fond Għadir f’Tas-Sliema, u ddur ma’ Malta f’forma kontra l-arloġġ (anti-clockwise).
Ir-rekord preżenti tal-iktar dawra veloċi madwar Malta huwa dak ta’ 34 minuta.
L-ewwel attentat li sar kmieni dalgħodu ukoll kellu jiġi abbandunat meta l-powerboat żviluppatilha ħsara viċin Birżebbuġa.
Kien hemm tama qawwija li jekk l-attentat ta’ waranofsinhar jirnexxi, ikun hemm ċans kbir li r-rekord jinkiser hekk kif fl-ewwel attentat il-powerboat ilha għoxrin minuta biss fl-ilma u kienet diġa bdiet dieħla fl-aħħar tappa, tant li kien stmat li kien fadal biss ħames minuti biex il-powerboat tirritorna lura f’Tas-Sliema.