Organizzaturi ta’ festivals li jsiru f’pajjiżna, jistgħu jagħmlu użu minn servizz ġdid li se jibda joffri tim ta’ professjonisti.
Is-servizz imsejjaħ “Chat Bar”, twieled minn idea ta’ Willingness Malta – tim ta’ terapisti mmexxi mis-sesswologu Matthew Bartolo.
“Ħa jkun hemm tinda ġo festival b’nies professjonisti u min qed jattendi l-festival u għandu xi problemi u jixtieq jitkellem dak il-ħin forsi ħabba l-għajja jew saħħa mentali allura bar ġo festival fejn mort ħadt bela tè ma ħadtx alkoħol, tkellimt u kkalmajt.”
Għalkemm għal pajjiżna dan huwa kunċett ġdid, f’pajjiżi oħrajn din hija xi ħaġa li ilha ssir.
Is-servizz se jingħata minn professjonisti li jvarjaw fis-setturi li jispeċjalizzaw fihom; minn counsellors għal esperti fir-relazzjonijiet u l-familja.
“Taf li ħa tiġi milqugħ b’kikkra te kafe, naqra ilma biex tikkalma, hemm professjonisti. L-iktar ħaġa importanti hija li dawn huma nies li huma mħarrġa kemm fuq effetti ta’ droga, effetti ta’ xorb, saħħa mentali, kif ikellmu n-nies u huma kollha professjonisti li jaħdmu f’dal-qasam.”
Huwa fatt li kull ma jmur, il-problemi marbuta mas-saħħa mentali qed jiżdiedu.
Għaldaqstant, f’festivals bħal dawn – li jistgħu jżidu t-tensjoni f’ċirkostanzi bħas-sħana u t-teħid tal-alkoħol, huwa iżjed importanti li jekk dak li jkun ikollu problema, jitkellem.
“Is-saħħa mentali jaf tiggrava tkun iktar intensa f’dak il-mument allura huwa tajjeb li jafu li hemm post li wieħed jista’ jmur, jiftaħ qalbu. M’hijhiex terapija. Huwa post fejn mort, erġajt ġejt f’tiegħek u komplejt tieħu pjaċir ma’ sħabek.”
Is-sesswologu stqarr li l-idea ntlaqgħet tajjeb ħafna, speċjalment m’organizzaturi ta’ festivals – kemm lokali u anki internazzjonali.
Bartolo qal li l-kunċett idur ħafna ma’ spazju sigur biex dak li jkun iħossu komdu jiftaħ qalbu.
Lil’hinn mis-servizz fit-tined, it-tim ta’ professjonisti ħadem ukoll fuq survival guide li jinsab disponibbli fuq is-sit www.willingness.com.mt.
Gwida onlajn għal min ġej Malta jew Maltin li jmorru l-festivals, speċjalment dawk bi problemi ta’ saħħa mentali.
Dan biex iħeġġiġhom biex filwaqt li jiddevertu, jieħdu ħsieb xulxin u ħadd ma jħossu waħdu.