Wara li l-atleta Maltija Charlotte Wingfield rebħet ir-round preliminari fit-tellieqa tal-mitt metru tan-nisa fl-Olimpjadi ta’ Rio, fl-ewwel round hija spiċċat fl-aħħar post.Hija kkompetiet f’heat numru sitta li ntrebħet mill-atleta tat-Trinidad u Tobago, Michelle-Lee Ahye. Wingfield li hija ibbażata f’Cardiff f’Wales saret it-tieni atleta Maltija li avvanzat round fl-Olimpjadi wara Diane Borg li għamlet l-istess erba’ snin ilu f’Londra.
Minkejja li ġiet l-aħħar, fl-ewwel round Charlotte Wingfield tejbet il-ħin fuq il-fażi ta’ qabel b’żero punt wieħed, sitta ta’ sekonda.
Intant illum jidħol fix-xena l-atleta Malti ieħor Luke Bezzina, li għal ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ wara nofsinhar (ħin ta’ Malta) jieħu sehem fir-round preliminari tal-mitt metru tal-irġiel.