Charlot Gauci tressaq il-qorti akkużat li ffroda €16,000 żewġ persuni. F’dawn is-sentejn Gauci qatt ma deher il-Qorti u lanqas iffirma l-ktieb tal-bail, filwaqt li ppreżenta mas-27 ċertifikat mediku sabiex ma jitlax il-Qorti.
Il-Maġistrat Joe Mifsud irrevoka l-ħelsien mill-arrest u ordna li Gauci jibqa’ arrestat. Dan fl-istess waqt li ġew ikkonfiskati il-€500 depożitu u l-garanzija personali ta’ €10,000 ta’ sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013 minn Qorti oħra.
Il-Qorti ordnat ukoll biex fis-seduta li jmiss jitla’ jixhed it-tabib Ray Fenech, li ħareġ lill-imputat 27 ċertifikat mediku, filwaqt li fissret li jekk mhix se tieħu tweġiba sodisfaċenti se tkun qed tordna investigazzjoni lill-Kummissarju tal-Pulizija u tibgħat l-atti kollha lill-Kunsill Mediku.