Charline Magro hija mara bid-Downs Syndrome, li tiddedika l-ħin tagħha b’sehem attiv fil-komunità tagħha, il-Fgura.
Minbarra li tgħin diversi għaqdiet, fosthom Puttinu Cares – anke billi ppreżentat attività li ttellgħet b’risq l-istess fondazzjoni, hija wkoll tagħti sehemha fil-klabb tal-futbol tal-lokal fejn toqgħod.
Tkellimna ma’ Charline proprju f’Jum il-Mara, meta żorna l-klabb li hi tant għandha għal qalbha. Minkejja li huma bosta li jassoċċjaw l-isport tal-futbol bħala xi ħaġa tal-irġiel, Charline qed tegħleb dawn l-isterjotipi – tant li ġiet rikonoxxuta mill-Kunsill Lokali tal-Fgura għal dan u li hi wkoll parti mill-Kunsill tal-Plejers ta’ Fgura United.
“Inħossni onorata li ġejt magħżula minn Larkin Bonnici, u ferħana ħafna.”
Charline Magro – voluntiera
Hawn Charline, mhux biss qalet kif tinsab onorata li tagħti sehemha f’dan il-klabb, iżda wkoll qalet kif illum il-ġurnata ġiet parti mill-klabb.
“Jiena proprjament, qiegħda mal-Kunsill tal-Fgura wkoll, u nħossni onorata li ġejt parti minnhom ukoll.”
Charline Magro – voluntiera
Hawn hija stqarret magħna li l-isport ifisser ħafna għaliha.
“Sports is my hobby.”
Charline Magro – voluntiera
Tkellimna wkoll ma’ Amy Zammit, żagħżugħa ta’ 18-il sena, li tkellmet dwar kif hi jogħġobha ħafna l-isport tal-futbol – u f’Jum il-Mara, stqarret kif hija tagħmel dak kollu li tista’ sabiex mhux biss tkisser dawn l-isterjotipi iżda wkoll tgħallem lit-tfal li kulħadd għandu jingħata l-opportunità.
“Jogħġobni ħafna l-futbol u nixtieq li forsi n-nies ineħħuha minn moħħhom li l-futbol huwa sports għall-irġiel. Jien nagħmel minn kollox biex lit-tfal ngħidilhom li mhuwiex biss sport tal-irġiel imma anke tan-nisa, u li nħobb ħafna l-futbol. Mhux kulħadd ikollu l-opportunitajiet biex jilgħab il-futbol – anke n-nisa.”
Amy Zammit – coach tal-futbol