Charles Mizzi nħatar bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Aġenzija Maltija għar-Residenza u Visas (MRVA), dan wara li fl-aħħar jiem ġie fi tmiemu l-kuntratt tas-Sur Roderick Cutajar.
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli rringrazzjat lis-Sur Cutajar għall-ħidma tiegħu matul l-aħħar snin.
Is-Sur Charles Mizzi beda l-karriera tiegħu fis-settur bankarju u ħadem ma’ numru ta’ banek lokali fejn okkupa bosta rwoli fid-dipartiment tal-marketing.
F’Ottubru tal-2014 huwa daħal fl-irwol ta’ Direttur Eżekuttiv Media u Marketing tal-Presidenza Maltija għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fl-2017 huwa ngħaqad mal-Aġenzija tal-Programm Investitur Individwali bħala Chief Officer responsabbli mill-komunikazzjoni u business development. Huwa hawn fejn Mizzi kiseb esperjenza importanti f’din l-industrija.
Charles Mizzi għandu Master f’Business Administration mill-Henley Business School.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli awgurat il-ħidma t-tajba lis-Sur Mizzi f’dan l-irwol il-ġdid li beda jokkupa mil-lum l-1 ta’ Frar 2019.