Charles Miceli twieled Ħaż-Żabbar fl-1949. Meta għalaq l-14-il sena telaq mill-Lyceum sabiex jibda apprendistat mal-Union Press. Tul il-25 sena l-istamperija, ħadem fir-rapportaġġ u l-produzzjoni tal-ġurnali u temm il-karriera tiegħu hemm f‘kariga editorjali.
Kellu pinna ħafifa u kien jikteb kolonni regolari fl-Orizzont u t-Torċa fuq temi politiċi u soċjali u anke dawk umoristiċi u satiriċi. L-ispirazzjoni għal ħajtu u ħidmietu kien iġibha mill-kotba.
Ħalla l-ġurnaliżmu warajh minkejja li kompla sal-aħħar jikteb fuq il-problema tad-droga, l-ħabs u l-faqar. Miceli xtaq jgħix għal ħaddieħor u għamel sentejn esperjenza jaħdem mat-tfal fid-dar ta’ San Ġużepp ġewwa Għawdex.
Fi Frar tal-1991, Miceli beda jaħdem mal-Caritas u ħadem man-nies f’fażijiet differenti tar-rijabilitazzjoni mid-droga
sakemm irtira fl-2013. Mandankollu kompla jagħti sehmu b’mod volontarju. Fl-aħħar 7 snin kien waqqaf u mexxa l-grupp tal-Emotions Anonymous u l-Alleanza Kontra l-Faqar.
Charles Miceli ħadem sabiex tinfetaħ id-Dar Papa Franġisku u mexxa l-kampanji biex tiżdied il-paga minima
u tiġi regolata l-kera. Waqt li dejjem sab l-appoġġ tal-familja tiegħu baqa’ jistinka fil-ħidma tiegħu sal-aħħar nifs ta’ ħajtu.