L-awtur u kittieb popolari Malti Charles Flores għadu kemm ippubblika ktieb ġdid, li jinkludi ġabra ta’ poeżiji bl-Ingliż. Flores, li hu magħruf għal bosta pubblikazzjonijiet imfittxijin, issa qed jagħtina serje limitata ta’ poeżiji li nkitbu fuq perjodu ta’ 50 sena.
Il-bilingwiżmu tal-Maltin minn dejjem serva ta’ għodda mill-aqwa biex il-poplu seta’ jikkomunika mal-bqija tad-dinja, aktar u aktar fl-isfond tal-istorja mimlija ħakmiet li tiddomina ġrajjietna.
Kienet għodda li swiet ferm biex, minn epoka għal oħra, l-Maltin setgħu jaċċertaw ruħhom mill-għajxien tal-familji tagħhom skont ċirkustanzi ekonomiċi dejjem jinbidlu, waqt li jixorbu kemm jifilħu mill-kulturi varji li kienu saru parti sħiħa mill-ħajja ta’ kuljum f’Malta u Għawdex.
Hekk ukoll fid-dinja tal-kitba u l-kreattività. Ħafna mill-awturi klassiċi ta’ pajjiżna ma ddejqu xejn jiktbu b’ilsna barranin biex jaslu fi swieq lil hinn minn dawn ix-xtut, waqt li baqgħu jgħożżu u jħaddmu l-ilsien nazzjonali, il-Malti. L-istess Dun Karm, il-poeta nazzjonali, kien beda jikteb l-ewwel poeżiji bit-Taljan, u bħala kienu għamlu ħafna kittieba kontemporanji. Għamlu dan mingħajr l-iċken ħsieb li jżebilħu l-Ilsien li tathom ommhom.
Charles Flores, u bosta kittieba u poeti oħra magħrufin bħala “ż-żgħażagħ tas-Snin Sittin”, telgħu f’kultura Ingliża li, ma jistax jonqos, ġibdithom lejn il-letteratura anglo-sassona, kemm dik klassika kif ukoll moderna.
Flores jistqarr li l-ewwel xogħlijiet modesti tiegħu kienu bl-Ingliż sakemm, taħt l-influwenza ta’ nies bħal Valentin Barbara, Brother Henry Grech, Charles Coleiro u l-Professur Ġuże’ Aquilina, beda jikteb u għadu jikteb bil-Malti. Mingħajr ma warrab l-opportunità li jersaq lejn is-suq internazzjonali permezz tal-lingwa Ingliża.
“Time…and Time Again” hija ġabra ta’ poeżiji li fiha hemm diversi poeżiji li Flores kellu pubblikati barra l-pajjiz, kif ukoll għadd ġmielu ta’ poeżii ġodda li finalment qed jingħataw l-arja meħtieġa wara perjodu twil ta’ għeluq fil-kxaxen. Ħames għexieren li jagħtu stampa ċara ta’ Flores u l-emozzjonijiet tiegħu.
Il-ktieb għandu introduzzjoni mill-Prof. Daniel Massa, hu nnifsu kittieb u poeta ta’ statura kbira, li jifli u jinterpreta b’ħila l-versi ta’ Flores f’din il-pubblikazzjoni sabiħa li qed tara d-dawl fl-okkażjoni tal-Festival tal-Ktieb 2023.
“Time…and Time Again” jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet kollha tal-kotba, inkella online mingħand Horizons. Għal aktar tagħrif ċempel +356 2144 1604 jew ibgħat imejl lil info@horizons.com.mt