Tnediet il-kampanja ‘Change for Change’ mill-għaqda volontarja ‘Wave for Change Malta’.
Din il-kampanja se tkun qed torbot ukoll ma’ għawma li se jagħmel l-għawwiem professjonali Neil Agius.
Fil-fatt, ftit tal-jiem ilu, Agius ħabbar li se jkun qiegħed jgħum bejn iż-żewġ gżejjer Spanjoli Palma de Mallorca u Ibiza, b’distanza ta’ mitt mil, li jiġu 160 kilometru.
F’kumment ma’ dan l-istazzjon, Agius qal li bħalissa jinsab għaddej b’bosta preparamenti fiżiċi u mentali għal din l-isfida.
“Mhux kemm nipprattika l-għawma, iżda nagħmel ħafna xogħol mentalment, ħafna meditations, ħafna ħsieb u pjanijiet kif se tinqasam din l-għawma, għaliex ma nistax neħodha qisni qed nagħmel sebgħin siegħa f’daqqa, u rrid naqsamha f’biċċiet. Ovvjament, bil-lejl għandi żewġ iljieli sħaħ, jiġifieri disa’ sigħat dlam ċappa se jkun.”
L-għan ta’ din il-kampanja huwa li jkompli jitqajjem għarfien dwar il-ħarsien tal-baħar.
B’differenza mill-kampanja li saret meta Neil Agius għam minn Sqallija għal Malta, l-għaqda volontarja qed twassal messaġġ aktar importanti – dak li b’differenzi żgħar fil-ħajja tagħna nistgħu nħallu effetti pożittiv fuq l-ibħra ta’ madwarna.
L-aħħar kampanja ffokat b’suċċess fuq il-ġbir tal-iskart, primarjament il-plastik. Issa se tkun qed tiffoka fuq tibdil qabel tkun saret il-ħsara. Fost l-oħrajn, l-għaqda se tkun qed tippromwovi għarfien fejn jidħol il-konsum tal-pubbliku, b’mod speċjali tal-ikel u tal-ħwejjeġ li jinxtraw.
Aktar tagħrif dwar il-għan ewlieni ta’ din l-għaqda qasmu magħna Alex Vella, li huwa l-ko-undatur u direttur ta’ ‘Wave for Change’.
“Kemm jista’ jkun aħna lin-nies inġiegħluhom jifmhu li taħt il-baħar hemm għajxien importanti, ekosistemi importanti, li għandna bżonnhom biex nikkumbattu l-ġlieda kontra l-klima.”
Minħabba raġunijiet marbuta mat-temp, id-dati li fihom se ssir l-għawma ta’ Neil Agius mistennija jitħabbru aktar tard.