Joseph Gerada kien maħtur bħala Chairperson tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika. Dan filwaqt li l-Att dwar il-Vjolenza Domestika se jsir Att dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika.
Iċ-chairperson ġdid intgħażel fil-kuntest li l-gvern qed jaħdem fuq il-linji tal-kampanja HeForShe tan-Nazzjonijiet Magħquda.
L-għan tagħha hu li jkun hemm is-sehem tal-irġiel u tas-subien bħala l-aġenti tal-bidla kontra l-inugwaljanzi li jiffaċċjaw in-nisa u l-bniet, fosthom dawk ġejjin mill-vjolenza fuq in-nisa.
L-inugwaljanza taffettwa lis-soċjetà kollha – soċjalment, ekonomikament u politakament – u allura l-irġiel għandhom ikunu huma wkoll parteċipanti attivi fix-xogħol tagħna għal soċjetà aktar ġusta.
Il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili qiegħed jirriformula l-Att dwar il-Vjolenza Domestika biex dan isir Att dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika.
Kumitat Interministerjali bis-sehem tal-Ministeru tas-Saħħa, dak tal-Familja u Solidarjetà Soċjali u mill-Ministeru tal-Intern, il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali mexxa diversi diskussjonijiet flimkien mal-Avukat Ġenerali dwar dan l-Att il-ġdid qabel jitressaq fil-Parlament.
L-Att dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika se jkun wieħed b’saħħtu li jindirizza l-prinċipji tal-liġi kontra dawn il-forom ta’ vjolenza kif ukoll se jagħti saħħa lill-Konvenzoni ta’ Istanbul fil-liġi Maltija.
F’dan ir-rigward, il-liġi tipprovdi għat-tisħiħ tal-Kummissjoni. L-iskop tal-Kummissjoni se jkun qed jitwessa’ biex għall-ewwel darba jinkludi wkoll kull vjolenza abbażi tal-ġeneru u mhux vjolenza domestika biss. Dan kollu skont kif definit fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul.
Permezz tal-Att il-ġdid, il-Kummissjoni se jkollha poteri li tiġbor u ssaqsi għal statistiċi mingħand il-Pulizija jew ir-Reġistratur tal-Qorti kif ukoll tiżviluppa programm adegwat għal min jinstab ħati ta’ vjolenza domestika biex jonqos ir-reċidiviżmu.
L-Att il-ġdid se jipprovdi wkoll definizzjoni aktar wiesa’ ta’ vjolenza domestika biex din tiġbor fiha aktar sitwazzjonijiet inkluż dawk ta’ vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika li sseħħ fil-familja, il-unit domestiku jew bejn miżżewġin, eks-miżżewġin, partners jew eks-partners.